Lokali

Adrian Hillman maħtur bħala konsulent b’ordni mill-Uffiċju tal-Prim Ministru

L-eks Direttur Maniġerjali ta' Allied Newspapers ħa t-tieni ħatra mill-Gvern b'salarju ta' €48,000 ġimagħtejn wara l-elezzjoni ġenerali

L-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman, ġie maħtur bħala konsulent mal-Awtorità Maltija dwar il-Logħob, ġimagħtejn biss wara li l-Partit Laburista rebaħ l-aħħar elezzjoni ġenerali – b’salarju li jilħaq it-€48,000 fis-sena.

Adrian Hillman huwa l-istess Direttur Maniġerjali li kellu jirreżenja minn ma’ Allied Newspapers wara li ġie allegat li kien involut f’tixħim u ħasil ta’ flus – bejnu u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Fl-iskandlu tal-Panama Papers, sar magħruf li Adrian Hillman kellu kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands.

Żvelat din l-aħbar tal-kuntratt eżorbitanti ta’ Adrian Hillman, il-gazzetta The Sunday Times of Malta. L-artiklu żvela wkoll li xogħol Adrian Hillman huwa li jagħti pariri strateġiċi dwar il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi – filwaqt li ġie mistqarr li diġa’ hemm numru ta’ uffiċjali oħra impjegati f’dan is-settur.

L-istess gazzetta Times of Malta għamlet kuntatt mal-Awtorità Maltija dwar il-Logħob fil-21 ta’ Ġunju li għadda, fejn talbet il-konferma tal-impjieg ta’ Adrian Hillman bħala konsulent – iżda kelliem għaċ-Chairman Eżekuttiv Joseph Cuschieri ċaħad dan l-impjieg. Issa rriżulta li fid-data li ntbagħtet ir-risposta tal-Awtorità tal-Gvern li tiċħad din il-ħatra – Adrian Hillman kien diġà impjegat b’kuntratt ta’ €48,000 fis-sena.

Sorsi mill-istess Awtorita’ Maltija dwar il-Logħob qalu li l-ħatra ta’ Adrian Hillman saret bl-involviment dirett mill-Uffiċju tal-Prim Ministru. Din hi t-tieni ħatra għal Adrian Hillman, dan hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu ġie rrappurtat ukoll li l-Uffiċju tal-Prim Ministru indaħal fil-ħatra ta’ Adrian Hillman fuq il-Board of Trustees tal-American University of Malta.

Aqra fid-dettall dwar l-involviment ta’ Adrian Hillman fil-Panama Papers, fir-rapport li ġie leaked mill-FIAU dwar pagamenti li saru minn Keith Schembri lil Adrian Hillman:

DOKUMENT Ċ: RAPPORT FIAU: PAGAMENTI MINN KEITH SCHEMBRI LIL ADRIAN HILLMAN