Lokali

FILMAT: Peppi jgħidilna għaliex kull sena jaħlef li ma jerġax jieħu sehem fl-Istrina

Peppi Azzopardi
"Ir-raġuni hija l-istess raġuni għalfejn nibqa' nagħmilha" - Peppi Azzopardi

Kull sena, Peppi Azzopardi jaħlef li s-sena ta’ wara, ma jerġax jieħu sehem fl-Istrina. Imma r-raġuni hija l-istess raġuni għalfejn kull sena, jibqa’ jagħmilha.

Peppi Azzopardi hu wiċċ sinonimu mal-Istrina u ġurnata qabel l-ikbar festa ta’ ġenerożità f’Malta, NET News iltaqa’ ma’ Peppi Azzopardi li kellimna dwar l-esperjenza tiegħu fl-Istrina.

“Kull sena ngħid ‘Din hija l-aħħar darba’. Anke lill-familja tiegħi ngħidilhom ‘din hija l-aħħar darba tiegħi’. Ir-raġuni, però, mhijiex ix-xogħol. Ir-raġuni hija r-raġuni għaliex inkompliha. Ir-raġuni hija l-każijiet. Meta int, kuljum, tiltaqa’ ma’ każijiet li matul is-sena jkollha l-Istrina…jkollha l-Community Chest Fund… każijiet ta’ nies li – jien naf – pereżempju għandek it-tifel għandu bżonn kilwa. Għandek il-missier li tela’ l-Ingilterra biex itih il-kilwa. Qegħdin it-tnejn l-isptar. U l-omm joħroġilha kanċer… taf kif?”

Peppi Azzopardi qalilna li quddiem din is-sitwazzjoni, l-impatt tal-istejjer u l-intervisti li jagħmel ma jieqafx ma’ tmiem il-ġurnata tax-xogħol, għax l-istejjer iġorrhom miegħu u jibqgħu għaddejjin matul is-sena.

“Hija l-istess raġuni għalfejn nibqa’ nagħmilha. Għax imbagħad, matul is-sena ninduna u nintebaħ kemm il-flus li nġabru qegħdin jintużaw biex dawn in-nies almenu jsibu s-sapport li tant għandhom bżonn f’sitwazzjonijiet bħal dawn,” qalilna Peppi.

“Hemm ħafna min jitla’ l-Ingilterra għal ġimgħa u jagħmillek sitt xhur. Għidli inti, jkollok it-tifel, titla’ l-mummy, imma imbagħad taħseb li f’sitt xhur ma jitlax id-daddy? Imbagħad tibda l-problema tax-xogħol, il-problema tal-flus, il-problema ta’ fejn se joqgħodu, il-problema ta’ fejn se jħallu lit-tfal l-oħra (l-aħwa jiġifieri) u hemmek tinħoloq problema serja. U allura meta nara li l-flus qegħdin jgħinu lil dawn in-nies, imbagħad ngħid ‘mela nerġa’ nagħmilha’,” żied jgħid.

Peppi Azzopardi temm jgħidilna li l-Istrina se terġa’ tkun festa ta’ solidarjetà anke bis-sehem ta’ ħafna u ħafna nies li jaħdmu minn wara l-kwitni u li jagħmlu xogħol importanti.