Kultura Lokali Mużika

FILMAT: Programm tal-Milied għada filgħaxija fil-Knisja tal-Bon Kunsill f’Paceville

Il-Banda Spinola ta’ San Ġiljan bil-Programm Mużikali Annwali tagħha tal-Milied

Żmien il-Milied iġib miegħu bosta attivitajiet korali u mużikali, fejn il-Maltin jattendu bi ħġarhom biex iġeddu l-memorji ta’ tfulithom u jisimgħu l-għanjiet Maltin u barranin marbutin ma’ dan iż-żmien, bħall-Ninni La Tibkix Iżjed jew Mary’s Boy Child.

NET News l-Erbgħa filgħaxija żar kunċert ta’ tħejjija ta’ dawn l-għanjiet fil-Knisja Agostinjana tal-Madonna tal-Bon Kunsill, biswit il-Millenium Chapel f’ Paceville, u ra l-aħħar tħejjijiet għall-Programm Mużikali Annwali ta’ għada li se ttella’ l-Banda Spinola ta’ San Ġiljan.

Dan il-Programm, li ilu jsir mit-twaqqif tas-Soċjetà fl-1987, jittella’ bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena sabiex ikun iddedikat kollu għall-mużika sagra u l-għanjiet tal-Milied. Fost il-mużika li se tindaqq nsibu xogħolijiet tal-Boney M, John Lennon, Jose Feliciano, Andrea Bocelli, Adolphe Adam u Michael Lorenc.

Mal-banda, li se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur, Aldo Minuti, se jingħaqdu s-Sopran Dr. Anne Marie Bonello, u s-St. Julian’s Choral Group, immexxi minn Pio Dalli. Peress li qiegħdin fuq l-għatba ta’ sena ġdida, il-Banda Spinola se ttemm dan il-Programm bi preludju għall-kunċert tal-Ewwel tas-Sena fi Vjenna b’selezzjoni ta’ valzi ta’ Johann Strauss.

Il-Programm għada jibda fis-7.30 ta’ filgħaxija u qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.