Lokali

Grupp ta’ esperti Franċiżi jaslu f’pajjiżna biex janalizzaw il-ħsara fuq l-ajruplan li ħareġ fit-triq

Tissokta l-investigazzjoni wara li l-Erbgħa filgħaxija ajruplan privat li kien ipparkjat fl-Ajruport Internazzjonali Malti nħakem mir-riħ qawwi li ħakem lil pajjiżna fl-aħħar sigħat u spiċċa f’binja tal-Grupp Polidano.

Kien għall-ħabta tal-10.10 ta’ filgħaxija li l-ajruplan tal-politiku Brittaniku Lord Michael Ashcroft nqala’ minn fuq ic-choks li jzommu ir-roti milli jiccaqalqu, kifi nhi l-proċedura, bil-konsegwenza li mexa’ lejn it-triq, qala’ reċint tar-runway sakemm spiċċa fit-triq u waqaf mal-binja ta’ Polidano.

L-ajruplan, tat-tip Dassault Falcon 7x, kien ipparkjat f’Park numru 4 tal-Ajruport fuq in-naħa ta’ Ħal Farruġ qrib il-faċilitajiet tal-Lufthansa Teknik. Jirriżulta li l-ajruplan, li l-valur tiegħu jaqbeż is-€70 miljun ġarrab ħsara ta’ iktar minn €2 miljun hekk kif mad-daqqa fil-binja tal-Grupp Polidano spiċċa bil-parti ta’ quddiem tiegħu mkissra.

Immedjatament fuq il-post intbagħtu diversi awtoritajiet fosthom il-Pulizija kif ukoll uffiċjali ta’ Transport Malta u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Sal-għada, l-ajruplan kien għadu jagħlaq l-aċċess f’din it-triq hekk kif infetħet ukoll investigazzjoni mill-Bureau of Air Accident Investigation waqt li suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu fiż-żona fuq proċedura tas-sigurtà minħabba li kawża tal-inċident infetaħ aċċess għal ġol-ajruport.

Hu mistenni li l-ħidma biex l-ajruplan jitneħħa mit-triq tkun waħda diffiċli u tieħu fit-tul anke għaliex din il-parti tal-ajruport hi ferm ogħla mit-triq, bit-triq li hi dejqa u għalhekk mistennija tpoġġi wkoll sfida biex l-ajruplan jiddawwar. NET News jinsab infurmat li l-ajruplan ta’ Lord Ashcroft wasal Malta fis-26 ta’ Diċembru għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs u ma kienetx l-ewwel darba li dan l-ajruplan li hu reġistrat il-Bermuda żar pajjiżna.

Nistgħu niżvelaw ukoll li l-kumpanija Dassault li bniet dan l-ajruplan bagħtet rappreżentanti tagħha f’Malta biex jaraw kemm hi kbira l-ħsara.

Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ddikjara li mmedjatament fil-post waslu skwadri tli jissorveljaw il-ħidma u s-sigurtà biex tkun żgurata l-integrità taż-żona u l-perimetru tal-ajruport. Fil-post kien hemm ukoll uffiċjali tas-Salvataġġ u tat-Tifi tan-Nar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala prekawzjoni.

L-aħbar ġiet rappurtata wkoll minn diversi ġurnali madwar id-dinja bħal The Telegraph u The Sun, kif ukoll Financial Express, AOL u The Mirror fl-Ingilterra u saħansitra fil-Kanada minn Global News fost l-oħrajn.