Lokali

Jirriżenja l-Assistent Kummissarju Mario Tonna: Wara l-istorja żvelata fil-gazzetta in-Nazzjon

Wara l-istorja żvelata lbieraħ fil-gazzetta in-Nazzjon li l-Assistent Kummissarju Mario Tonna taha daqqa ta’ ras f’nofs wiċċ is-sieħba tiegħu, illum tefa’ r-riżenja tiegħu.

In-Nazzjon żvela li sar rapport formali mis-sieħba tiegħu fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema li juri kif hu taha daqqa ta’ ras f’nofs wiċċha u kkaġunalha feriti f’imneħirha, l-istess rapport lill-Pulizija juri li hu spiss ikun xurban u dan mill-ħin tas-2 p.m. ‘il quddiem.

Fil-leġiżlatura li għaddiet u din il-leġislatura l-Assistent Kummisarju Mario Tonna kien il-protagonista ta’ bosta promozzjonijiet li ngħata bl-aktar mod sfaċċat meta fil-verita’ ma kienx jimmeritah dawn il-promozzjonijiet li hu ngħata biss għas-sempliċi raġuni li hu parti mill-familja ‘Tagħna Lkoll’.

Minn investigazzjonijiet li għamel In-Nazzjon irriżulta li kollox beda jiżviluppa nhar l-20 ta’ Diċembru li għadda, jiġifieri ftit tal-jiem biss qabel il-Milied.

L-Assistent Kummissarju Mario Tonna jaggredixxi lis-sieħba tiegħu u jagħtiha daqqa ta’ ras f’nofs wiċċha

F’rapport lis-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna għamlet nhar it-28 ta’ Diċembru fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema,  hi stqarret  li nhar l-20 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tas-6.30 p.m. Mario Tonna, waqt argument magħha, taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha. Dwar din id-daqqa ta’ ras u l-ġrieħi li kkawżalha hi ma għandhiex ċertifikat mediku.

Jirriżulta li nhar it-28 ta’ Diċembru s-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna marret fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema speċifikament biex tagħmel rapport li l-istess Mario Tonna, il-partner tagħha u li hu Uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija, kien għadu kemm kellu argument magħha.

Stqarret mal-Pulizija li dakinhar huma kienu qegħdin brejk flimkien ġol-uffiċċju tagħha ġewwa l-Qorti u l-argument inbeda meta għal xil-11 a.m. bdew jitkellmu fuq xi reception li kellhom għand il-Kummissarju tal-Pulizija flimkien ma’ Uffiċjali oħra tal-Korp tal-Pulizija fejn meta hi qaltlu li ma xtaqitx tmur, hu beda jargumenta magħha fejn imbagħad qabad il-beritta tas-Servizz u telaq ‘il barra.

Hi kompliet tirrapporta lill-Pulizija li l-Assistent Kummissarju Mario Tonna beda jċemplilha fuq it-telefon tal-uffiċċju tagħha u beda jgħajjarha bil-kliem: “miġnuna, demel, ħmieġ u qaħba” u kliem ieħor.

Is-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna kompliet li probabbilment li Mario Tonna kien fis-sakra meta ġara dan kollu.

Kompliet li sadattant meta hi marret lura d-dar fil-5 p.m. hi sabet li l-affarijiet personali ta’ Mario Tonna ma kenux għadhom hemm. Madankollu hu żamm iċ-ċavetta tar-residenza tagħha.

Kien f’dan ir-rapport lill-Pulizija wkoll lis-sieħba ta’ Mario Tonna żvelat li aktar qabel f’dak ix-xahar stess, jiġifieri fl-20 ta’ Diċembru, Mario Tonna kien taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha iżda dwar dan hi ma kellha l-ebda ċertifikat mediku.

Dakinhar lill-Pulizija infurmathom ukoll li magħha fil-basket hi kellha xi oġġetti personali ta’ Mario Tonna u xtaqet li dawn l-oġġetti tħallihom fl-Għassa. Min-naħa tagħhom il-Pulizija qalulha li dan ma setgħetx tagħmlu.

Madankollu wara li telqet mill-Għassa, il-basket instab barra fejn il-bieb tal-istess Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema. B’dan ir-rapport kienet infurmata wkoll l-Ispettur Lara Butters.

Sadattant l-għada s-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna reġgħet marret fl-istess Għassa tal-Pulizija biex tiġbor kopja tar-rapport li kienet għamlet fil-jum ta’ qabel u infurmat lill-Pulizija li mar-rapport oriġinali tagħha xtaqet li żżid xi fatti oħrajn.

Hi qalet li fir-rapport oriġinali tagħha kienet ħalliet numru ta’ fatti barra, fosthom li nhar l-20 ta’ Diċembru 2017 f’xi 6.30 p.m. Mario Tonna, issa deskritt bħala “eks sieħeb”, taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha. “Għand it-Tabib ma stajtx immur minħabba li Mario Tonna kien miegħi l-ħin kollu. Anki fil-ġranet ta’ wara peress li t-tnejn li aħna ma morniex xogħol.”

Hi kompliet li “wara dak l-episodju bħal qisu li l-argument kien twitta minħabba li hu għalaq sninu nhar it-22 ta’ Diċembru u fil-fatt morna nieklu barra.

“Sussegwentement, l-għada tal-Milied, reġa’ nqala’ argument bejnietna u bqajna sejrin bih sal-bieraħ (28 ta’ Diċembru 2017). Fil-fatt meta ġie fl-uffiċċju tiegħi biex nieħdu lunch, bħas-soltu fil-11 a.m., wara għaxar minuti telaq ‘il barra. Dan għaliex jien ma ridtx nattendi r-reception tal-Kummissarju tal-Pulizija ġewwa d-Depot tal-Pulizija fil-Floriana u li kellha ssir illum  (29 ta’ Diċembru 2017) u dan għal diversi raġunijiet.”

Fir-rapport tagħha hi kompliet li minn dak il-ħin hu beda jċemplilha l-ħin kollu fuq it-telefon tal-uffiċċju tagħha jew inkella fuq iċ-ċellulari tagħħha. Dan apparti minn bosta sms’s li bagħtihlha u korrispondenza wkoll fuq il-What’s Up.
Hi qalet li nnutat li mis-2 p.m. ‘il quddiem, il-vuċi u r-raġunament tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna kien inbidel għall-agħar… “bħal qisu bniedem fis-sakra”.

Fost ħafna kliem li beda jgħidilha, qalilha li b’tal-linja kien jaqblilha u dan biex jindikalha li dakinhar ma kienx se jmur għaliha bħas-soltu wara x-xogħol biex allura jmorru d-dar flimkien.

Hi żiedet li kważi kuljum mis-2 p.m. ‘il quddiem meta l-Assistent Kummissarju Mario Tonna jkun xogħol, hu jkun jinstema’ b’tonalita ta’ wieħed xurban. Dan apparti l-fatt li anqas ma jattwal b’mod stabbli meta jmur għaliha wara x-xogħol bil-karozza personali tiegħu biex imorru d-dar.

Hi qalet li kemm-il darba dwar dan kienet ġibditlu l-attenzjoni. Anki minħabba sewqan perikoluż f’dak l-istat ta’ xorb.

“Jien hekk għamilt u mort id-dar bil-karozza tal-linja. Kif wasalt id-dar sibt li hu kien ħa l-affarijiet tiegħu kważi kollha. It-telefon tad-dar ma waqafx idoqq. Pero jien, invista ta’ dak li kien ġara, ma weġibtx. Wara ġbart l-affarijiet li kien għad fadallu fid-dar tiegħi biex neħodhom fl-Għassa tal-Pulizija u dan peress li kien hemm darba oħra meta ħwejġu ġew għalihom xi Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema biex tatihom l-istess oġġetti tiegħu.”

Hi kompliet li meta ċċekkjat fil-kaxxa tal-ittri tad-dar tagħha biex tara jekk kienx ħalla ċ-ċavetta tal-bieb ta’ barra tar-residenza tagħha… u dan peress li kull darba li telaq mid-dar – 26 darba f’sena u nofs biss! – dejjem poġġa ċ-ċavetta fil-kaxxa tal-ittri jew inkella ġieli bagħat lil xi Pulizija biex jimpostawhiela. Madankollu dakinhar iċ-ċavetta ma dehret imkien.

Hawnhekk hi għamlet enfasi mal-Pulizija li kienu qed jeħdulha r-rapport fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema li hi ma kenitx tħossha sigura ladarba Mario Tonna żamm iċ-ċavetta tad-dar ta’ barra għandu invista “tal-fatt li kemm-il darba refa’ jdejh fuqi”.

Hi qalet li darba għafġilha wiċċha ma’ vann li kien ipparkjat fit-triq quddiem id-dar tagħha. Darba oħra refa’ jdejh fuqha fil-bitħa tad-dar tagħha. Darba oħra ħareġ is-sikkina għaliha. U l-aktar każ reċenti kien meta taha daqqa ta’ ras ġo mneħira. Hi kompliet li dakinhar kienet staqsietu, permess ta’ sms, għaċ-ċavetta tal-bieb tad-dar tagħha. Imma hu qalilha liċ-ċavetta kien impustahielha.

Hi qalet li f’dak ix-xenarju ma kellha l-ebda alternattiva għajr li tibdel is-sellatura tal-bieb tad-dar tagħha. Hi qalet li la darba ma għadhomx flimkien, allura jitħassru minn fuq iċ-ċellulari tiegħu xi filmati li hu kien ħa tagħha meta kienet qed tinħasel u li hu ġibed mingħajr il-konoxxenza tagħha. B’dawn il-filmati hi saret taf aktar tard u b’kumbinazzjoni.

Hi kompliet li dakinhar għall-ħabta tal-4.30 p.m. meta waslet id-dar mix-xogħol sabet iċ-ċavetta tar-residenza tagħha. Din kienet iċ-ċavetta li kellu Mario Tonna, issa allura impustata lura lilha.

Fit-Tmexxija tal-Korp ma għandux ikun hemm persuni b’dellhom tqil – David Agius, Viċi Kap tal-PN

Wara r-riżenja tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna, netnews.com.mt ħa l-kummenti ta’  David Agius, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista,  li beda biex qal li  l-Korp tal-Pulizija jixraqlu li jitmexxa minn persuni serji u ta’ integrità.

Hu kompla li l-Partit Laburista fil-Gvern tul il-leġislatura li għaddiet u tul din il-leġislatura ta promozzjonijiet lil persuni li diġà għandhom każi li jagħmluhom mhux dinjitużi li jieħdu tali promozzjonijiet fl-ogħla pożizzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil dawk il-Pulizija kollha li jaqdu d-doveri tagħhom b’impenn u b’sagrifiċċju u fuq kollox b’lealtà lejn il-ġurament tal-ħatra.

Dak żvelat f’dan il-każ partikulari jħammar wiċċ il-Gvern preżenti li ta promozzjoni waħda wara l-oħra lil dan l-Uffiċjal li llum joħroġ ċar li ma kienx dehen li jifforma parti mill-Korp tal-Pulizija.

David Agius kompla li fid-dawl ta’ dawk il-fatti, l-Oppożizzjoni tistaqsi x’wassal lill-Ministru Michael Farrugia biex proprju ftit tax-xhur ilu biss jagħti promozzjoni oħra lil din il-persuna għal kariga għolja oħra fit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

Il-PN kien diġa’ ġibed l-attenzjoni tal-Gvern dwar l-imġieba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna – Beppe Fenech Adami, ix-Shadow Minister għall-Intern

Beppe Fenech Adami

Wara r-riżenja tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna, netnews.com.mt ħa l-kummenti ta’  Beppe Fenech Adami, ix-Shadow Minister għall-Intern, li qal li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jikkritika l-mod kif saret il-ħatra ta’ Mario Tonna bħala Assistent Kummissarju.

Il-Partit Nazzjonalista kien diġà ġibed l-attenzjoni tal-Ministru li ma hux ta’ ġieħ għall-Korp tal-Pulizija li jkollok persuna li kienet instabet ħatja ta’ reat kriminali ta’ persuna oħra fil-Korp u flok kienu ttieħdu passi kontrih, kien ingħata promozzjoni.

Hu ta’ dispjaċir li kellu jkun inċident ieħor żvelat minn In-Nazzjon li wassal mhux għat-tkeċċija ta’ dan l-eks Fizzjal, iżda għar-riżenja tiegħu.

Sfortunatament inċidenti bħal dawn jitfgħu dell ikrah fuq il-Korp tal-Pulizija kollu li fiha hemm numru kbir ta’ membri li jagħmlu x-xogħol tagħhom b’dedikazzjoni u b’integrità.