Tħabbret il-mewt ta’ Monsinjur Francis Adeodato Micallef, mill-Ordni tal-Karmelitani Tereżjani, fl-eta ta’ 89 sena.
Monsinjur Micallef ħa l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu 63 sena ilu, li matulhom serva wkoll bħala Vigarju Apostoliku tal-Kuwait għal 23 sena.
Monsinjur Micallef twieled f’Birkirkara fis-17 ta’ Diċembru 1928 u ngħaqad mal-Ordni tal-Karmelitani fl-1947. Tliet snin wara ġie ordnat qassis. Fi tmiem l-istudji tiegħu f’Ruma hu rritorna f’pajjiżna fejn għallem it-teoloġija morali u serva wkoll bħala Superjur tal-Monasteru kif ukoll Superjur Provinċjali tal-Provinċja Maltija tal-Karmelitani Tereżjani u Rettur tal-Kulleġġ Internazzjonali tal-Karmelitani f’Ruma.
Kien fil-5 ta’ Novembru 1981 li l-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni ħatru bħala t-tielet Vigarju Apostoliku tal-Kuwait. Matul il-ħidma tiegħu, hu kien wieħed mill-ftit Ewropej li baqgħu fil-pajjiż waqt l-invażjoni tal-Iraq fl-1990.
Il-funeral se jsir nhar is-Sibt li ġej, fid-09:30, fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Ritratt: Grupp Festa Interna Sta.Marija,Parroċċa Arċi-Arċimatriċi Arċipretali Gudja
//= $special ?>