Lokali

AĠĠORNATA BIL-FILMAT: Tinstab bomba taħt karozza fil-Fgura

Il-Ħamis instabet bomba taħt karozza tat-tip Mitsubishi fi Triq Sant’Antnin il-Fgura, li minkejja li ġiet attivata din ma ħaditx.

Il-karozza hi proprjeta’ ta’ Mario Scicluna mis-Sannat Għawdex imma jgħix f’din it-triq.

Kien għall-ħabta tas-6:30p.m. li l-Pulizija ssejħu fuq il-post wara ħoss li ġie minn taħt il-karozza u qajjem suspett. Wara waslu l-Forzi Armati mit-Taqsima tal-Bomb Disposal li neħħew il-bomba li fortunament ma splodietx f’żona residenzjali. Il-karozza kienet ilha ħamest’ijiem ipparkjata u ma tinstaqx.

Fuq il-post bdew jaslu numru ta’ investigaturi kif ukoll preżenti kien hemm il-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera li mill-ewwel bdew l-investigazzjonijiet.

Uffiċjali mill-ewwel bdew josservaw il-kameras tas-sigurta’ taż-żona sabiex permezz tagħhom jinnutaw il-movimenti li kien hemm fl-istess triq fl-aħħar jiem u għaldaqstant jittamaw li josservaw min poġġa l-bomba taħt il-karozza.

L-aħħar splużjoni seħħet fis-16 ta’ Ottubru li għadda meta nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija l-Gvern qal llejla l-forzi tal-ordni jinsabu impenjati f’operazzjoni biex ineħħu kull periklu minn dik li l-ewwel indikazzjonijiet juru li hija bomba li tpoġġiet fil-Fgura u li ma ħaditx.

Il-Gvern fli-istqarrija qal li huwa impenjant biex min kien responsabbli ta’ dan l-att infami u kodard, li seta’ kellu konsegwenzi mill-aktar gravi saħansitra anke għal persuni terzi, irrispettivament tal-persuna jew persuni li kienu fil-mira.

Il-Gvern qal ukoll li l-forzi tas-sigurtà se jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex anke dan il-każ jiġi riżolt.