Is-sena 2018 se ġġib magħha numru ta’ innovazzjonijiet għall-Belt Valletta – u fost dawn insibu il-ftuħ mill-ġdid tas-Suq. Mal-ewwel ftit jiem li ilu miftuħ is-Suq tal-Belt Valletta diġa’ żaruh eluf ta’ nies – dan hekk kif ġibed l-attenzjoni ta’ kemm Maltin u kif ukoll numru kbir ta’ turisti.
Il-proġett il-ġdid tas-Suq tal-Belt jgħaqqad il-passat, bil-kolonni tal-istruttura u l-arkitettura tibqa’ dak oriġinali, mal-modern b’dehra aktar attrajenti. Iżda anke l-kunċett tal-ikel ingħata dehra aktar innovattiva – dan hekk kif hemm erbatax-il stabbiliment tal-ikel u xorb varjat li jolqot il-gosti ta’ kulħadd. Fost il-ħwienet stabbiliti u ġodda li nfetħu nsibu ikel bħal sushi u pizza, sa anke pastizzi u ftajjar.
L-ambjent Malti fil-binja tas-Suq tal-Belt jinsab sal-iċken dettall, sa anke l-uċuh tal-imwejjed magħmul b’disinn ta’ madum tradizzjonali Malti.
Iżda minbarra l-istabbilimenti tal-ikel li jiftħu mill-għaxra sas-siegħa ta’ filgħodu – fis-sular t’isfel hemm ukoll xeħta aktar tas-Suq tradizzjonali bi prodotti tal-ikel artiġjanali, flimkien ma’ ħaxix, frott, laħam u ħut frisk li jiftaħ kmieni mis-sitta ta’ filgħodu sal-għaxra ta’ filgħaxija.
Din is-sena, hekk kif il-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura, se tagħti lok għal numru ta’ eżebizzjonijiet u attivitajiet biex jiġu organizzati f’dan l-istess Suq tal-Belt. Hekk kif mhux biss hemm spazju għall-ikel, iżda anke għall-kultura Maltija.
Fatt interessanti hu li l-proġett ġie stmat li jiswa’ €13-il miljun, iżda taħt l-istess Suq tal-Belt fi Triq il-Merkanti nstabu pedamenti aktar antiki, li ammonta għall-spiża totali tal-proġett għall-€14-il miljun.
//= $special ?>