Lokali

ESKLUSSIVA: Niżvelaw ir-rapport li għamlet l-eks-sieħba tal-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna

Il-gazzetta il-mument illum żvelat ir-rapport li għamlet mal-Pulizija l-eks-sieħba tal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Mario Tonna, li juri kemm kienet ilha tbati sakemm ħadet id-deċiżoni li tmur għand il-Pulizija u tirrapporta dak kollu li kienet qed tgħaddi minnu.

Kmieni din il-ġimgħa, il-ġurnal In-Nazzjon żvela kif  Mario Tonna, li kien jokkupa l-kariga ta’ Assistent Kummissarju tal-Pulizija u li kien direttament responsabbi mit-Taqsima tat-Traffiku u mill-Garaxx tal-Pulizija, kien aggredixxa lis-sieħba tiegħu ftit tal-jiem biss qabel il-Milied u taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha.

Emendat ir-rapport oriġinali

L-ewwel rapport oriġinali li kien sar lill-Pulizija, l-eks sieħba ta’ Tonna kienet ħasset li kellha temendah meta sussegwentement reġgħet marret fl-istess Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema biex tiġbor kopja tal-ewwel rapport. Dakinhar stqarret mal-Pulizija aktar fatti xokkanti dwar dak li kienet għaddejja minnu fir-relazzjoni mal-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna.

F’rapport li s-sieħba tal-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna għamlet nhar it-28 ta’ Diċembru fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema, hi stqarret li nhar l-20 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tas-6.30 pm, Mario Tonna, waqt argument magħha, taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha. Dwar din id-daqqa ta’ ras u l-ġrieħi li kkawżalha hi ma għandhiex ċertifikat mediku.

Meta nhar it-28 ta’ Diċembru s-sieħba ta’ Mario Tonna marret fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema għamlet dan speċifikament biex tagħmel rapport li Mario Tonna kien għadu kemm kellu argument magħha.

Hi żvelat mal-Pulizija li dakinhar huma kienu qegħdin brejk flimkien ġol-uffiċċju tagħha fil-Qorti u l-argument inbeda meta għal xil-11 a.m. bdew jitkellmu fuq xi attività soċjali li kellhom għand il-Kummissarju tal-Pulizija flimkien ma’ Uffiċjali oħra tal-Korp tal-Pulizija fejn meta hi qaltlu li ma xtaqitx tmur, hu beda jargumenta magħha u qabad il-beritta tas-Servizz u telaq ’il barra.

L-eks-sieħba ta’ Mario Tonna ssoktat li Mario Tonna beda jċemplilha fuq it-telefon tal-uffiċċju tagħha u beda jgħajjarha bil-kliem: “miġnuna, demel, ħmieġ u qaħba” u kliem ieħor.

Hawnhekk is-sieħba tal-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna kompliet li probabbilment li Mario Tonna kien fis-sakra meta ġara dan kollu.

Il-mara kompliet li sadattant, meta hi marret lura d-dar fil-5 p.m. hi sabet li l-affarijiet personali ta’ Tonna ma kenux hemm. Madankollu hu żamm iċ-ċavetta tar-residenza tagħha.

Proprju kien f’dan ir-rapport lill-Pulizija wkoll li hi żvelat li aktar qabel f’dak ix-xahar stess, jiġifieri fl-20 ta’ Diċembru, Mario Tonna kien taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha iżda dwar dan hi ma kellha l-ebda ċertifikat mediku.

Dakinhar lill-Pulizija għarfithom ukoll li magħha fil-basket kellha xi oġġetti personali ta’ Mario Tonna u xtaqet li dawn l-oġġetti tħallihom fl-Għassa. Min-naħa tagħhom, il-Pulizija qalulha li dan ma setgħetx tagħmlu. Ġara li wara li telqet mill-Għassa, il-basket instab barra fejn il-bieb tal-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema. B’dan ir-rapport kienet infurmata wkoll l-Ispettur Lara Butters.

L-għada, l-eks sieħba tal-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna reġgħet marret fl-istess Għassa tal-Pulizija biex tiġbor kopja tar-rapport li kienet għamlet fil-jum ta’ qabel u infurmat lill-Pulizija li mar-rapport oriġinali tagħha xtaqet li żżid xi fatti oħrajn.

Hi stqarret li fir-rapport oriġinali tagħha kienet ħalliet numru ta’ fatti barra, fosthom li nhar l-20 ta’ Diċembru 2017 f’xi 6.30 p.m., Mario Tonna kien taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha. “Għand it-Tabib ma stajtx immur minħabba li Mario Tonna kien miegħi l-ħin kollu. Anki fil-ġranet ta’ wara peress li t-tnejn li aħna ma morniex xogħol.”

Il-mara kompliet li “wara dak l-episodju bħal qisu li l-argument kien twitta minħabba li hu għalaq sninu nhar it-22 ta’ Diċembru u fil-fatt morna nieklu barra.”

“Sussegwentement, l-għada tal-Milied, reġa’ nqala’ argument bejnietna u bqajna sejrin bih sal-bieraħ (28 ta’ Diċembru 2017). Fil-fatt meta ġie fl-uffiċċju tiegħi biex nieħdu lunch, bħas-soltu fil-11am, wara għaxar minuti telaq ’il barra. Dan għaliex jien ma ridtx nattendi attività soċjali tal-Kummissarju tal-Pulizija fid-Depot tal-Pulizija fil-Floriana u li kellha ssir illum (29 ta’ Diċembru 2017), u dan għal diversi raġunijiet.”

Hi kompliet li minn dak il-ħin hu beda jċemplilha l-ħin kollu fuq it-telefon tal-uffiċċju tagħha jew inkella fuq iċ-ċellulari tagħħha. Dan apparti minn bosta smss li bagħtilha u korrispondenza wkoll fuq il-WhatsApp.

Il-mara ssoktat li nnutat li mis-2 p.m. ’il quddiem, il-vuċi u r-raġunament ta’ Mario Tonna kien inbidel għall-agħar… “bħal qisu bniedem fis-sakra”.

Fost ħafna kliem li beda jgħidilha, qalilha li b’tal-linja kien jaqblilha u dan biex jindikalha li dakinhar ma kienx se jmur għaliha bħas-soltu wara x-xogħol biex allura jmorru d-dar flimkien.

L-eks sieħba ta’ Mario Tonna spjegat li kważi kuljum mis-2 p.m. ’il quddiem meta l-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna jkun xogħol, hu jkun jinstema’ b’tonalità ta’ wieħed xurban. Dan apparti l-fatt li anqas ma jattwa b’mod stabbli meta jmur għaliha wara x-xogħol bil-karozza personali tiegħu biex imorru d-dar.

Kemm-il darba dwar dan kienet ġibditlu l-attenzjoni. Anki minħabba sewqan perikoluż f’dak l-istat ta’ xorb.

“Jien hekk għamilt u mort id-dar bil-karozza tal-linja. Kif wasalt id-dar sibt li hu kien ħa l-affarijiet tiegħu kważi kollha. It-telefon tad-dar ma waqafx idoqq. Però jien, invista ta’ dak li kien ġara, ma weġibtx. Wara ġbart l-affarijiet li kien għad fadallu fid-dar tiegħi biex neħodhom fl-Għassa tal-Pulizija u dan peress li kien hemm darba oħra meta ħwejġu ġew għalihom xi Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema biex nagħtihom l-istess oġġetti tiegħu.”

Fir-rapport tagħha hi kompliet li meta ċċekkjat fil-kaxxa tal-ittri tad-dar tagħha biex tara jekk kienx ħalla ċ-ċavetta tal-bieb ta’ barra tar-residenza tagħha… u dan peress li kull darba li telaq mid-dar – 26 darba f’sena u nofs biss! – dejjem poġġa ċ-ċavetta fil-kaxxa tal-ittri jew inkella ġieli bagħat lil xi Pulizija biex jimpostawielha. Madankollu dakinhar iċ-ċavetta ma dehret imkien.

Fir-rapport lill-Pulizija jissemmew każi ta’ vjolenza domestika

Kien għalhekk li hi saħqet mal-Pulizija li kienu qed jeħdulha r-rapport fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema, li hi ma kenitx tħossha sigura ladarba Mario Tonna żamm iċ-ċavetta tad-dar ta’ barra għandu invista “tal-fatt li kemm-il darba refa’ jdejh fuqi”.

Il-mara żiedet li darba għafġilha wiċċha ma’ vann li kien ipparkjat fit-triq quddiem id-dar tagħha. Darb’oħra refa’ jdejh fuqha fil-bitħa tad-dar tagħha. Darb’oħra ħareġ is-sikkina għaliha. U l-aktar każ reċenti kien meta taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha.

Hi kompliet li dakinhar kienet staqsietu, permezz ta’ sms, għaċ-ċavetta tal-bieb tad-dar tagħha. Imma hu qalilha li ċ-ċavetta kien impustahielha. F’dak ix-xenarju ma kellha l-ebda alternattiva għajr li tibdel is-sellatura tal-bieb tad-dar tagħha.

Hi saħqet ukoll li la darba ma għadhomx flimkien, allura jitħassru minn fuq iċ-ċellulari tiegħu xi filmati li hu kien ħa tagħha meta kienet qed tinħasel u li hu ġibed mingħajr il-konoxxenza tagħha. B’dawn il-filmati hi saret taf aktar tard u b’kumbinazzjoni.

Hi ssoktat li dakinhar għall-ħabta tal-4.30 p.m., meta waslet id-dar mix-xogħol sabet iċ-ċavetta tar-residenza tagħha. Din kienet iċ-ċavetta li kellu Mario Tonna, issa allura impustata lura lilha.

Dan kien fid-dettall u bl-aktar mod leali lejn l-oriġinal, ir-rapport li għamlet fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema l-eks-sieħba tal-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna.

Il-Ministru Farrugia prova jiddefendi lil Tonna

Madankollu fid-dawl ta’ dan ir-rapport – u biex mingħalih ixejjen il-mewġa ta’ kritika li kienet qed issir fil-konfront ta’ Mario Tonna, li ta r-riżenja tiegħu mill-Korp tal-Pulizija – intervjena l-Ministru Michael Farrugia u pprova jiddefendi lil Tonna mill-inċidenti ta’ vjolenza domestika bl-iskuża li dan jagħmel sigħat twal ta’ servizz.

Il-kummenti tal-Ministru Michael Farrugia ġabu kundanna kbira meta pprova jiġġustifika dak li kien rapportat dwar l-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna mill-eks-sieħba tiegħu. Michael Farrugia nhar l-Erbgħa filgħodu ħareġ jgħid li dak ir-rapport li kienet għamlet l-eks-sieħba ta’ Mario Tonna dwar Tonna stess kien irtirat!

Quddiemha l-Pulizija għandha rapport formali u uffiċjali mill-eks sieħba ta’ Mario Tonna li fih tkellmet kif dan, f’temp ta’ sena u nofs biss, eżerċità mill-inqas f’erba’ okkażjonijiet il-vjolenza domestika fuqha. Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar – li jaf tajjeb iċ-ċirkostanzi ta’ Mario Tonna kif ukoll bl-imġiba tiegħu fil-Korp tal-Pulizija wiegħdna li qed jinvestiga.

Kien il-Ministru Michael Farrugia stess li f’Ġunju li għadda ħatar lil Mario Tonna fil-kariga ta’ Assistent Kummissarju tal-Pulizija biex hekk f’temp ta’ ftit xhur biss, Tonna ngħata numru ta’ promozzjonijiet li bihom qabeż membri oħrajn fil-Korp.