Lokali

FILMAT: Tarbija u tliet nisa jittieħdu l-isptar wara ġlieda kbira fil-Ħamrun

Waħda mill-familji kellha wieħed mill-membri tagħha maqtul is-sena li għaddiet fl-istess akwata

Fil-Ħamrun saret operazzjoni kbira biex il-Pulizija tipprova tikkontrolla ġlieda kbira bejn żewġ familji – fejn b’kawża tal-ġlieda, ittieħdu l-isptar tarbija ta’ ftit u xhur u tliet nisa – mara ta’ 26 sena residenti s-Siġġiewi, mara ta’ 19 mill-Birgu, u mara ta’ 18-il sena mill-Floriana. Madanakollu, il-kundizzjoni tagħhom għadha mhux magħrufa.

B’kollox l-argument kien jinvolvi seba’ persuni fil-ġlieda, fejn l-argument inqala għal ħabta ta’s-6.15 ta’filgħaxija u seħħet fi Triq Abela Scolaro . Aktar minn 20 Pulizija mill-għassa tal-Ħamrun u mir-Rapid Intervention Unit kienu fuq il-post b’numru kbir ta’ vetturi tal-Pulizija jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni fejn kien hemm numru kbir ta’ nies li kienu involuti f’din il-ġlieda. Jirriżulta li waħda mill-familji kellha wieħed mill-membri tagħha maqtul is-sena li għaddiet.

NET News mar mal-ewwel fuq il-post, fejn sab numru kbir ta’ vetturi tal-Pulizija flimkien ma’ żewġ ambulanzi – dan hekk kif biswit l-iskola Maria Assunta fil-Ħamrun kien għad hemm numru kbir ta’ nies li kienu involuti fil-ġlieda – bis-sitwazzjoni ddum ma tikkalma.

Minn informazzjoni li ksibna mill-post jidher li l-ġlieda kienet tinvolvi sewwieqa ta’ karozzi li bdew isuqu għal fuq xulxin bir-riżultat li kien hemm xi karozzi mkissra fuq il-post. Skont informazzjoni li kiseb NET News jidher li xi persuni ħarbu minfuq il-post tal-ġlieda.

Persuna fuq il-post qaltilna wkoll, li l-karozza Toyota Yaris sewda – li hawn fir-ritratt t’hawn taħt – kienet qegħda pparkjata wiċċha jħares lejn il-bini bħal karozzi l-oħra maġenba, meta karozza oħra bdiet issuq għal ġo fiha u dawritha, trossha mal-bankina.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.