Lokali

Mistoqsijiet u suspetti kbar dwar il-proċess użat fix-xiri taċ-ċittadinanza Maltija minn biljunarji barranin

Majid Bin Waleed Al Ibrahim, Prinċep Sawdi li xtara ċ-ċittadinanza Maltija, u li f'Novembru li għadda kien arrestat fost 200 persuna oħra minħabba allegazzjonijiet ta' korruzzjoni
Minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta il-mument, jirriżulta li mill-aħħar lista ta' ċittadini barranin li saru Maltin bl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza li daħħal il-Gvern Laburista, ħafna minnhom huma biljunarji dikjarati li fil-maġġoranza tagħhom ġejjin minn pajjiżi tal-Golf Għarbi, il-Lvant Nofsani u pajjiżi li kienu jagħmlu parti minn dik li kienet l-Unjoni Sovjetika.

Minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta il-mument, jirriżulta li mill-aħħar lista ta’ ċittadini barranin li saru Maltin bl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza li daħħal il-Gvern Laburista, ħafna minnhom huma biljunarji dikjarati li fil-maġġoranza tagħhom ġejjin minn pajjiżi tal-Golf Għarbi, il-Lvant Nofsani u pajjiżi li kienu jagħmlu parti minn dik li kienet l-Unjoni Sovjetika.

Hemm xi wħud minnhom li saħansitra jissemmew fil-‘Panama Papers’ minħabba li huma benefiċjarji ta’ kumpaniji sigrieti, hemm min qed ikun investigat fuq allegata korruzzjoni, oħrajn li huma sidien jew għandhom karigi ta’ tmexxija f’kumpaniji marbuta mal-enerġija u hemm ukoll min għandu rabtiet politiċi.

Dan kollu qed iqajjem aktar suspetti kbar dwar il-proċess li qiegħed jintuża biex dawn il-biljunarji barranin saru Maltin, u li l-Gvern dejjem ra li jżommu sigriet u kemm dawk li ħallsu s-€650,000 biex xtraw iċ-ċittadinanza Maltija verament qed ikunu konformi mal-kriterji stabbiliti fil-liġi fosthom li jagħmlu mill-inqas sena residenti f’pajjiżna.

il-mument illum qed tippubblika l-ewwel parti ta’ dan l-istħarriġ li jiffoka l-aktar fuq familji u individwi li ġejjin mill-Golf Għarbi u mil-Lvant Nofsani. Mill-istħarriġ li għamlet din il-gazzetta hemm saħansitra familji sħaħ partikolarment familji minn pajjiżi bħall-Arabja Sawdija u l-Pakistan.

Mill-Arabja Sawdija

Fost dawk li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija u allura qegħdin fil-pussess ta’ passaport Malti, l-aktar li jispikka huwa Majid Bin Waleed Al Ibrahim. Huwa kien arrestat mill-awtoritajiet Sawdin fil-bidu ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. B’kollox kienu arrestati mal-200 persuna fosthom membri rjali, uffiċjali għolja tal-Gvern u negozjanti bħala parti minn investigazzjoni marbuta mal-korruzzjoni. Waleed Al Ibrahim huwa biljunarju, fundatur tal-Middle East Broadcasting Centre, li tmexxi l-istazzjon tat-televiżjoni li jxandar fuq is-satellita Al Arabiya. Fl-istess lista hemm ukoll ċittadini ġodda Maltin li probabbilment huma qraba ta’ Waleed Al Ibrahim hekk kif b’kollox hemm erba’ ċittadini Sawdin oħra li saru Maltin.

Hemm ukoll familja oħra Sawdija – Yusuf M Fathi Khalaf – b’kollox sitt persuni bl-istess kunjom. Wieħed minnhom huwa Fathi. Persuna b’dak l-istess isem huwa mniżżel fil-‘Panama Papers’ fejn jingħad li huwa l-benefiċjarju tal-kumpanija Yarak Investments Limited li hija reġistrata fil-British Virgin Islands. Din il-kumpanija għadha attiva, u ġew użati s-servizzi legali tal-kumpanija Mossack Fonseca, l-istess kumpanija li fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.

Tispikka wkoll il-familja Sawdija Sabah Mutlaq Almutlaq u b’kollox hemm erba’ membri li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Fosthom Mohammed li huwa direttur tal-kumpanija tal-proprjetà Mawten u tal-kumpanija Mushaid Arabia. Huwa wkoll Viċi Chairman tal-Grupp Alfanar li għandu l-kwartieri f’Riyad. Dan il-grupp ivarja fl-operazzjonijiet tiegħu fosthom fil-provvista tal-gass LPG, il-kostruzzjoni u l-inġinerija.

Fil-lista ta’ individwi barranin li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija hemm membri tal-familja biljunarja Alzamil. Mill-inqas hemm tmien membri ta’ din il-familja. Huma ċittadini Sawdin li issa saru Maltin u jġorru passaport Malti, li jmexxu grupp ta’ kumpaniji b’interessi varji f’bejgħ ta’ prodotti u servizzi f’oqsma industrijali inkluż fil-qasam marittimu u petrokimiċi. Fosthom hemm Madawi Tawfiq Abdulla Alzamil li huwa Direttur ta’ Zamil Group Holding Company. Hemm ukoll Adib Abdulla Hamad Alzamil li huwa Direttur Maniġerjali u Kontrollur Finanzjarju u Investimenti ta’ Zamil Group Investment Company. Huwa wkoll Direttur Maniġerjali għall-Finanzi u l-Investiment ta’ Zamil Group Holding Company. Magħhom jiżdiedu wkoll Tawfiq u Waleed Abdulla Hamad Alzamil li huma Direttur u Membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Zamil Group Holding Company rispettivament. Il-familja għandha wkoll ishma sinifikanti fil-kumpanija Energy Central fil-Bahrain.

Membri tal-familja biljunarja Sawdija Alzamil xtraw iċ-ċittadinanza Maltija fosthom Adib Abdulla Hamad Alzamil li huwa Direttur Maniġerjali u Kontrollur Finanzjarju u Investimenti ta’ Zamil Group Investment Company

Familja oħra Sawdija li membri tagħha ngħataw il-passaport Malti u saru ċittadini Maltin għandha l-kunjom Al Balawi. Fosthom hemm Mohammed Ahmed Al Balawi li ilu mill-2001 ċ-Chief Financial Officer tal-kumpanija tal-kostruzzjoni Bawan.

Jispikkaw ukoll diversi membri tal-familja Alfozan. Huma wkoll ġejjin mill-Arabja Sawdija u ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija wara li xtrawha bl-iskema li qed iħaddem il-Gvern. Fosthom hemm Abdullah Alfozan li huwa Chairman u Senior Partner tal-kumpanija tal-awdituri KPMG fl-Arabja Sawdija. Qabel din il-kariga huwa kien għamel tmien snin assoċjat mal-Fond Sawdi għall-Iżvilupp Industrijali. Minn fost din il-familja hemm Sultan Alfozen li jmexxi kumpanija tal-konkrit u s-siment.

Hemm ukoll membri tal-familja Algadhib fosthom Basel li huwa negozjant Sawdi b’saħħtu ħafna fis-settur finanzjarju fejn kellu karigi għolja mal-Bank ta’ Riyadh u banek oħra bħal JPMorgan, Morgan Stanley, il-Gulf Investment Corporation u l-kumpanija Aramco li hija l-aktar waħda sinjura fid-dinja.

Hemm ukoll membri ta’ familja oħra Sawdija li ġġib il-kunjom Almuhaidb. Persuna minnhom li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija hija Abdulkadir, il-fundatur tal-grupp ta’ kumpaniji Al Muhaidib li joperaw f’oqsma varji minn prodotti tal-ikel għall-kostruzzjoni u l-proprjetà.

Hemm ukoll membri tal-familja Sawdi Altouq. Fosthom hemm Abdulmohsen Altouq li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Al-Touq. Hu ilu fit-tmun tat-tmexxija ta’ dan il-grupp mill-1988. Il-grupp jopera fis-settur finanzjarju, dak tal-enerġija, it-telekomunikazzjoni, l-infrastruttura u l-proprjetà.

Ċittadin ieħor Sawdi li xtara l-passaport Malti u sar ċittadin Malti huwa Belal Ghazzawi. Ilu mill-1986 Senior Vice Chairman tal-Grupp Ghazzawi u jservi wkoll bħala Direttur tal-Grupp. Huwa wkoll Direttur Indipendenti tal-kumpanija Sawdija Enaya Cooperative Insurance.

 

Mill-Pakistan

Minn dan il-pajjiż tiddomina l-familja Malik b’disa’ membri li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Fosthom hemm Shahbaz Yasin li kien jokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Management Board tal-kumpanija statali taż-żejt Pakistana bejn Frar tal-2008 u Ottubru tal-2009. Malik għandu kariga ta’ Chairman tal-kumpanija Hilton Pharma Limited.

Jispikkaw ukoll membri tal-familja Dawood. Fuq quddiem hemm Hussain li huwa meqjus bħala industrijalist kbir. Huwa ċ-Chairman ta’ Dawood Hercules Corporation Limited ibbażata f’Karachi u topera fost l-oħrajn fl-oqsma tal-enerġija u l-ikel. Huwa indikat fil-‘Panama Papers’ u skont il-gazzetta The Express Tribune għandu kumpanija reġistrata fil-British Virgin Islands li twaqqfet f’Jannar tal-2006 u li għadha attiva.

Familja oħra Pakistana ta’ erbgħa min-nies għandha l-kunjom Jiliani Syed. Fosthom hemm Omar Abbas li huwa d-Direttur Maniġerjali ta’ kumpanija li tispeċjalizza fl-inġinerija tal-ilma bl-isem ta’ Pak Oasis.

Mill-Filippini

Minn dan il-pajjiż jispikkaw tliet membri ta’ familja bil-kunjom Teodoro. Fil-fatt, iċ-ċittadinanza Maltija nxtrat minn Gilberto Eduardo Gerardo Cojuangco, minn martu Monica Louise Lopez u minn binhom Jaime Gilberto Prieto. Kemm Gilberto kif ukoll martu huma magħrufa fost l-aktar għonja fil-Filippini, b’żewġha meqjus ukoll b’saħħtu politikament u li għandu konnessjonijiet b’saħħithom fil-militar. Fl-2007, hu kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tad-Difiża Nazzjonali u f’Mejju tal-2010 huwa kkontesta l-elezzjoni presidenzjali li kien spiċċa biex tilef. F’April tal-2014 kien inħatar direttur indipendenti tal-Banco de Oro, wieħed mill-aktar banek kbar fil-Filippini. F’Awwissu, 2015 huwa kien Chairman tal-Bord ta’ Sagittarius Mines Incorporated. Qabel l-elezzjonijiet tal-2016, Rodrigo Duterte, illum President tal-Filippini, kien ta parir lil Miriam Defensor-Santiago biex Teodoro jinħatar Viċi President tagħha. Iżda hi ma ħaditx dan il-parir. Dan wassal biex Duterte kkontesta l-elezzjoni presidenzjali u rebaħ. F’Mejju tas-sena li għaddiet, Rodrigo Duterte offra lil Teodoro biex jerġa’ jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tad-Difiża Nazzjonali iżda wara li kkonsulta ma’ familtu, f’Ġunju għarraf lil Duterte li ma kienx qed jaċċetta l-offerta. F’Awwissu tal-istess sena reġa’ kien offrut l-istess kariga fid-Dipartiment tad-Difiża Nazzjonali.

Gilberto Teodoro u martu Monica Louise Lopez li flimkien ma’ binhom Jaime xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Meqjusin sinjuri ħafna b’rabtiet politiċi b’saħħithom

Emirati Għarab Magħquda

Minn dan il-pajjiż jispikka l-kunjom Kreidich b’mod partikolari Toufic li huwa wieħed mill-fundaturi u l-Kap Eżekuttiv ta’ Brands for Less, li huwa grupp li jmexxi ħwienet li jbigħu ħwejjeġ rinomati bi prezzijiet imraħħsa.

Mil-Libanu

Minn dan il-pajjiż hemm żewġ membri tal-familja Kaddoura. Fosthom Marwan li huwa ċ-Chairman tal-Bord u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija CreditCard Services.

Min-Niġerja

Jispikkaw ukoll ċittadini Niġerjani li xtraw il-passaport Malti mingħand il-Gvern Malti. Fosthom hemm il-familja Alakija. Minn din il-familja jispikka l-isem ta’ Modupe Folarin li l-familja tiegħu hija dikjarata biljunarja. F’Ġunju tas-sena li għaddiet iżżewweġ mudella Iranjana f’tieġ li laħħaq il-5 miljun lira sterlina u li fl-Ingilterra tqies bħala fost l-aktar avvenimenti straordinarji fid-dinja. Il-familja Alakija topera fl-industrija taż-żejt.

Modupe Folarin Alakija, iben biljunarju Niġerjan li wkoll xtara ċ-ċittadinanza Maltija. F’Ġunju li għadda żżewweġ fl-Ingilterra lill-mudella Iranjana Nazanin Jafarian Ghaissarifar. It-tieġ sewa mal-5 miljun lira sterlina

Mill-Kenja

Minn dan il-pajjiż jispikkaw 15-il persuna bil-kunjom Kantaria li xtraw il-passaport Malti u saru ċittadini Maltin. Fosthom hemm Rajni, Bimal u Baiju li huma ċ-Chairman u Diretturi tal-kumpanija Elgon Kenya Ltd rispettivament. Din il-kumpanija topera fis-settur tal-biedja. Magħhom hemm Amar li huwa Direttur Eżekuttiv tal-Prime Bank Limited kif ukoll Direttur tal-Kenya Community Development Fund. Huwa wkoll Direttur ta’ Tausi Assurance Company Limited.

Mill-Afrika t’Isfel

Jispikkaw membri tal-familja du Toit fosthom Mattys Michielse li għandu rappreżentanza fuq Bordijiet f’għadd kbir ta’ kumpaniji u jispeċjalizza fis-settur tal-investimenti. Jiddominaw fil-lista wkoll għaxar membri tal-familja b’kunjom Van Aardt. Fosthom hemm Willem li huwa fil-Bord tad-Diretturi ta’ Finbond Group u tal-kumpanija Kings Reign Investments Limited.