Sport

Miet l-atleta Gerald DeGaetano – l-ewwel rebbieħ ta’ midalja fl-atletika għal pajjiżna

Tħabbret il-mewt tal-eks atleta Gerald DeGaetano fl-eta ta’ 54 sena.

Bejn is-snin ’80 u ’90 iddomina l-atletika lokali fuq id-distanzi tal-5,000 metu u l-10,000 metru. Ħa sehem fi tliet edizzjonijiet tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa fl-1987 f’Monaco, fl-1989 f’Ċipru fejn rebaħ il-medalja tal-bronż fl-10,000 metru biex sar l-ewwel rebbieħ ta’ medalja fl-atletika, kif ukoll rebaħ il-medalja tal-fidda fuq l-istess distanza fl-edizzjoni tal-1991 f’Andorra.

F’Ġunju tal-1991 irrappreżenta wkoll lil Malta fil-Logħob tal-Mediterran f’Ateni u fit-30 t’Awwissu 1991 fl-Istadium Olimpiku ta’ Tokyo fejn kien għamel rekords nazzjonali fuq il-5,000 metru u fl-10,000 metru.

Mis-sena 2000 beda jipprattika l-isport tal-Kayak u fl-aħħar snin kien ukoll parti mill-Kummissjoni tal-Atleti fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti.

Il-PN jsellem il-memorja tal-atleta Gerald DeGaetano

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Isport David Agius qal li jinsab imnikket bl-aħbar tal-mewt ta’ Gerald DeGaetano, li sar l-ewwel rebbieħ ta’ medalja tal-bronż fl-atletika, fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta’ Gerald DeGaetano.