Lokali

FILMAT: Graziella Galea tirriżenja minn Sindku ta’ San Pawl il-Baħar “sabiex ir-residenti ma jibqgħux ostaġġi tal-mibgħeda u l-kilba għall-poter”

Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea rriżenjat mill-pożizzjoni tagħha li kien ilha tokkupa sa mill-elezzjoni tal-2015, fejn ġiet eletta b’mod demokratiku.

F’ittra lill-Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv, Graziella Galea qalet li qed tagħmel dan għaliex temmen li l-pożizzjoni ta’ Sindku u kunsillier qiegħdin hemm biex wieħed iservi lir-residenti u lill-lokalità u mhux biex wieħed jisserva hu, jew li jtellef il-progress.

“Fix-xogħol tiegħi bħala Sindku dejjem poġġejt bħala l-ewwel prijorità tiegħi lir-residenti u dejjem ġenwinament ħdimt biex il-lokalità timxi ‘l quddiem,” iddikjarat Galea fl-ittra tar-riżenja.

Hi nnutat li matul din il-leġiżlatura kien hemm numru ta’ kunsilliera li ma tawx każ tar-residenti, fosthom billi naqsu milli jattendu l-laqgħat jew fixklu mill-ħidma.

Kompliet li ħadet dan il-pass “sabiex ir-residenti ma jibqgħux ostaġġi tal-mibgħeda u l-kilba għall-poter ta’ xi wħud li ma aċċettawx ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.”

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Galea qiegħda tagħmel dan b’lealtà lejn ir-residenti tal-lokalità u lejn il-Partit Nazzjonalista sabiex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jgawdi t-tmexxija ta’ dan il-Kunsill.

Graziella Galea se tibqa’ sservi lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar bħala kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista.