Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta biex tinvestiga s-saltna tad-dritt ikkonkludiet li kemm Keith Schembri kif ukoll Konrad Mizzi għandhom jitneħħew mill-karigi tagħhom u jinfetħu investigazzjonijiet, kif ukoll li għandu jinbidel il-mod kif jintgħażlu l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Ir-rapport – preparat mill-MEPs li kienu f’Malta lejn tmiem is-sena li għaddiet f’delegazzjoni mmexxija mill-MEP Soċjalista Ana Gomes – ġie ppubblikat illum. Ir-rapport ma jfissirx li l-ħidma tad-delegazzjoni ntemmet, għaliex intalbu laqgħat oħra, fost l-oħrajn mal-Prim Imħallef Silvio Camilleri.
Ir-rapport isejjaħ għal investigazzjonijiet mill-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-metodi kif Pilatus Bank titħallielu l-liċenzja li jkompli jopera fl-Unjoni Ewropea.
B’mod speċifiku, r-rapport jinsisti li l- Awtorità Bankarja Ewropea tinvestiga jekk l-MFSA hux qed taqdi d-dmirijiet tagħha bħala awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni, fid-dawl tal-fatt li Pilatus Bank u Nexia BT għad għandhom il-liċenzja f’Malta.
Ir-rapport jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga s-SLAPP – l-prattiċi li qed jintużaw minn Henley and Partners u Pilatus Bank, biex jiprovaw jgħalqu ħalq il-ġurnalisti Maltin billi jhedduhom bi proċeduri legali f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea.
Fost affarijiet oħra, r-rapport jitlob uokll li ssir investigazzjoni dwar l-akkużi ta’ influwenza fl-elezzjonijiet, fosthom b’żieda fl-impjiegi fis-settur pubbliku, ħruġ ta’ permessi għall-kostruzzjoni, kif ukoll żidiet fil-pagi u promozzjonijiet fl-Armata.
Ir-rapport tad-delegazzjoni li ġiet Malta issa jkun suġġett ta’ dibattitu fuq livell ta’ Kumitat fil-Parlament Ewropew aktar tard f’Jannar.
“Se nibqa’ naħdem sakemm l-istituzzjonijiet f’Malta jiddefendu lill-poplu Malti u Għawdxi” – David Casa
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Ir-rapport hu b’saħħtu u ċar. Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jitneħħew mill-karigi pubbliċi tagħhom u tinfetaħ investigazzjoni u ssir ġustizzja fil-konfront tagħhom.”
Hu sostna: “Għandna bżonn bidla radikali fl-uffiċċji tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Infakkar li dawn ma nvestigawx każijiet ċari ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, u dan minkejja l-provi ċari li għandhom.”
“Pilatus Bank u Nexia BT qed jitħallew jaħdmu f’Malta b’impunità, u dan minkejja l-provi ċari li huma kompliċi f’korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Il-preżenza tagħhom f’Malta qed tpoġġi theddida ċara fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji u l-ekonomija Maltija,” qal Casa.
David Casa temm jgħid: “Hu diżgustanti li wasalna s’hawn. Il-falliment fl-istituzzjonijiet kien intenzjonat, bil-għan li n-nies fil-poter li jinqabdu b’attività kriminali jiġu protetti. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt għal istituzzjonijiet b’saħħithom li jiproteġu lill-Maltin u Għawdxin u mhux lill-politiċi korrotti u kumpaniji dubjużi li jaħslu l-flus. Jien se nkompli naħdem sakemm nassigura li dan iseħħ.”
//= $special ?>FILMATI: “Issa ninsabu nkwetati fuq is-Saltna tad-Dritt aktar minn qabel ġejna Malta”