Lokali

Sejba ta’ droga fil-Ħamrun – tlieta arrestati u żewġ karozzi sekwestrati

Il-Pulizija rnexxielha tagħmel qabda kbira ta’ droga f’wieħed minn kumpless ta’ garaxxijiet li jinsabu fi Triq San Vinċenz, fil-Ħamrun.

Net News hu nfurmat li r-rejd mill-Pulizija seħħ għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar meta diversi vetturi tal-Pulizija waslu fiż-żona u għalqu l-aċċess minn kull naħa.

Hawn huma daħlu fil-kumpless tal-garaxxijiet fejn ġew arrestati tliet persuni, fosthom raġel ta’ 44 sena magħruf sew mal-Pulizija, tant li lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet inqabad idaħħal ammont kbir ta’ droga lejn Malta minn fuq il-baħar.

Fuq ġewwa, il-Pulizija sabu ammont kbir ta’ droga, tant li uffiċjali tal-Pulizija dehru ħerġin b’żewġ xkejjer aktarx bid-droga, kif ukoll diversi kontenituri bi provi oħra. Dan filwaqt li ġew sekwestrati żewġ vetturi, vann tat-tip Fiat Cubo kif ukoll BMW.

Filfatt mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li s-sejba kienet ta’ madwar 30 kilogramma droga kannabis u €35,000 fi flus kontanti.

Persuni li tkellmu magħna spjegaw kif din iż-żona hi magħrufa bħala żona fejn hu maħsub li jsiru diversi attivitajiet kriminali tant li l-Pulizija kien ilha tissorvelja dak li kien għaddej. F’din l-investigazzjoni kkollaboraw diversi sezzjonijiet tal-Pulizija fosthom dawk ta’ kontra d-Droga, mir-Rapid Intervention Unit, mis-sezzjoni tal-Klieb u tal-Investigazzjonijiet Kriminali.