Futbol Sport

FILMAT: Senglea Athletic jirritornaw għar-rebħ

Jonathan Bondin u Raphael Kooh Sohna jissieltu biex jirbħu l-pussess tal-ballun (Ritratt: James Galea)

Rapport: Keane Cutajar

SENGLEA A………….2

LIJA A………………….0

Senglea: G. Cetrangolo, S. Bonnici, J. Bondin, S. Uyi, J. Leyton, M. Garzia, H. Vella, G. Virano (R. Vella 77’), T. Vella, N. Palmieri (R. Caseres 58’), P. Sammut (J. Suda 88’)

Lija: J. Martinelli, N. Spiteri (C. Celis Dios 61’), P. Borg, D. Scerri, L. Muscat (A. Sammut 88’), McA. Clinch, A. Kooh Sohna, A. Galea (J. Saavedra Campos 55’), K. Hirose, E. Beu, LJ. Schembri.

Imwissija: P. Borg 34’, A. Galea 44’ (L) S. Uyi 85’ (S)

Tkeċċa: P. Borg 51’ (L)

Skorjaw: G. Virano 36’, R. Caseres 88’ (S)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistant Referees: Edward Spiteri, Thomas Debono

Attendenza: 104

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Gonzalo Virano (Senglea)

It-tim tal-Isla kkontrolla l-partita mill-bidu u ħalla lit-tim ta’ Joseph Galea fuq id-difiża għal ħin twil matul il-partita. L-affarijiet setgħu marru għall-agħar fil-bidu tat-tieni taqsima meta tkeċċa Patrick Borg għat-tieni karta safra iżda t-tim ta’ Lija qawwa qalbu u pressa lejn il-lasta ta’ Giulio Cetragolo li inċidentalment kienet il-ġurnata ta’ għeluq sninu. Madanakollu Lija ma rnexxielhomx jinfdu d-difiża avversarja u ma ħadu xejn minn din il-logħba.

Kif ma jonqosx ukoll f’dan iż-żmien tas-sena, f’din il-partita rajna uċuħ ġodda fil-Kampjonat Premier fuq iż-żewġ naħat tal-grawnd fosthom it-talent Jurgen Suda għal Senglea. Lija issa baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika b’riskju li jaqgħu fl-aħħar tal-kampjonat filwaqt li Senglea komplew bil-perjodu pożittiv fit-triq lejn staġun ieħor fl-ogħla diviżjoni ta’ Malta.

Senglea ħarġu fuq l-attakk u resqu viċin l-ewwel b’Gonzalo Virano li daħal tajjeb mil-lemin qabel ittanta xortih iżda sab lil Jonathan Martinelli attent li dawwar f’korner. Wara għoxrin minuta Lija ħelsuha ħafif. Kien żball fuq wara ta’ difensur li wassal għal ċans ta’ Peter Sammut li falla l-mira u tefa’ barra.

Ħames minuti wara waslet l-ewwel azzjoni ta’ Lija. Raphael Kooh Sohna spiċċa f’pożizzjoni tajba waħdu fil-kaxxa wara żball difensiv tat-tim ta’ Paolo Favaretto, iżda x-xutt tiegħu stampa mal-wieqfa. Senglea rrispondew minn free-kick ftit wara meta Virano spara dirett lejn il-lasta iżda reġa’ sab lil Martinelli attent li niżel minn tulu fl-art biex dawwar f’korner.

Fis-36 minuta, it-tim tal-Kottonera mar minn fuq. Gonzalo VIRANO prova dirett minn free-kick li ħalla lill-gowlkiper ta’ Lija jħares biex baqa’ dieħel fir-rokna tax-xibka. Virano reġa’ kien perikoluż fil-bidu tat-tieni taqsima però l-free-kick tiegħu din id-darba għadda ċentimetri barra. Is-sostitut Rene Caseres daħal tajjeb fl-64 minuta, iżda Martinelli kien stupend biex niżel isalva qabel Caseres seta’ jikkonkludi.

Juan Saavedra Campos resaq viċin għal Lija hekk kif kien fadal kwarta logħob bix-xutt imvenven tiegħu minn barra l-kaxxa jgħaddi kemm kemm barra. Giulio Centrangolo salva free-kick ċentrali lejn l-aħħar tal-partita li kien inkarigat minn Erjon Beu. Rene CASERES għalaq il-partita b’gowl fit-88 minuta meta sab ruħu waħdu quddiem Martinelli fil-kaxxa ż-żgħira.