Lokali

“Inġustizzja mal-industrija tas-Servizzi Finanzjarji” – FPPN

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) jinsab mħasseb bin-nuqqas ta’ reazzjoni minn naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara r-rapport tal-kumitat PANA u LIBE tal-Parlament Ewropew.

L-FPPN jinstab mħasseb dwar kif il-Prim Ministru bħal donnu qiegħed isibha diffiċli sabiex jagħżel l-interess nazzjonali fuq l-interessi tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Huwa diffiċli temmen li Joseph Muscat lest jesponi lill-industrija tas-Servizzi Finanzjarji għal riskji bla bżonn minflok jieħu l-passi meħtieġa kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri, sostna l-FPPN.

Pajjiżna għandu industrija kbira ta’ servizzi finanzjarji. Industrija li kibret grazzi għal ħidma ta’ tant nies li dejjem ħadmu, u għadhom jaħdmu, b’għaqal kbir, b’osservanza ta’ l-aqwa standards internazzjonali u bl-aktar mod legalment korrett. Ħidma li l-FPPN japprezza u jinstab determinat li jaħdem sabiex jara li tali ħidma tkun mħarsa.

Tkun ħasra li tali xogħol jintilef għaliex Joseph Muscat jagħżel li jħalli l-attitudni xejn dekoruża ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri ttappan isem Malta.