Lokali

Jitressqu l-Qorti u jinżammu arrestati b’rabta mas-sejba tad-droga fil-Ħamrun

Tliet persuni suspettati li traffikaw id-droga, li kienu arrestati nhar ilbieraħ, f’garaxx fil-Ħamrun inżammew arrestati wara li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi mressqa kontrihom.

Fir-raid tal-Pulizija inqabdu 32 kg kannabis u madwar €42,000 fi flus kontanti. It-Taljan Salvatore Coco ta’ 48 sena kien akkużat li traffika l-kannabis, l-importazzjoni u l-pussess tad-droga mhux għal skopijiet personali kif ukoll b’attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija aġixxiet wara li rċeviet informazzjoni mingħand Taljan.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwi li t-Taljan jingħata l-libertà proviżorja minħabba n-natura gravi tal-akkużi.

Il-Maġistrat Josette Demicoli laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni. L-allegati kompliċi, Michael Aquilina ta’ 45 sena mill-Mosta u Gordon Schembri ta’ 31 sena mill-Floriana kienu wkoll arrestati.

Huma kwoll wieġbu mhux ħatja tal-akkużi ta’ importazzjoni ta’ drogi. Il-Qorti wkoll ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja tal-Maltin u ħarġet ordni li l-assi tagħhom ikunu iffriżati.