Lokali

Pontijiet perikolużi li qed jaqgħu fil-Belt Valletta

Ftit jiem qabel il-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta 2018, meta l-Belt Valletta tingħata t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea, partijiet mill-Belt għadhom taħt abbandun.

Filfatt, ‘lil hinn mill-għajn ta’ ħafna, numru ta’ pontijiet li miż-żona tas-swar ta’ Santa Barbara jaqsmu għan-naħa l-oħra fejn wieħed isib Triq Sant’Orsola, għadhom magħluqa bit-tejp tal-Pulizija biex wieħed ma jaqsamx għaliex huma perikolużi.

Ħarsa lejn dawn il-pontijiet, li jinsabu fuq il-Victoria Gate, juru li l-injam therra b’partijiet li jistgħu għat-triq t’isfel fejn spiss jgħaddu l-karozzi jew turisti li bil-mixi jkunu sejrin fid-direzzjoni tal-waterfront fil-Floriana.

Fil-qrib, u allura jaraw din ix-xena, wieħed isib ammont sostanzjali ta’ turisti hekk kif biswit dawn il-pontijiet wieħed isib lukandi kif ukoll diversi stabbilimenti.

Ix-xogħol jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern, iżda dwar meta se jsir dan ix-xogħol għad m’hemm l-ebda ħjiel. Dan is-sit hu nfurmat li sar survey biex ikun magħruf x’interventi hemm bżonn isiru u kemm se jiswew flus iżda kollox baqa’ kif kien.