Lokali

Il-Gvern jhedded li se jwaqqaf linja tal-ajru oħra jekk ma jkunx hemm qbil mal-bdoti tal-Air Malta

L-aħbar ta’ twaqqif ta’ kumpanija ġdida li ħadet f’idejha il-landing slots tal-Air Malta u li applikat għal liċenzja biex tħaddem linja tal-ajru kompliet issaħħaħ l-ispekulazzjoni li l-Gvern iwaqqaf linja tal-ajru ġdida jekk in-negozjati mal-piloti ma jirnexxux.

Il-gazzetta Maltatoday tirrapporta li filwaqt li r-raġuni uffiċċjali mogħtija mill-Gvern hi li t-twaqqif tal-kumpanija kienet mossa sabiex jissalvagwardja l-islots li għandha l-Air Malta, sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li dan jista’ jkun ukoll pjan ta’ kontinġenza jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim mal-piloti.

Il-gazzetta tikkwota sorsi li qalu li filwaqt li l-Gvern għadu qed jittama li jintlaħaq, fl-istess waqt, ikollu alternattivi biex ma jispiċċax dahru mal-ħajt. Fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim, il-Gvern iċaqlaq il-ħidma għall-linja tal-ajru ġdida u jkollha f’idejha l-islots li sa iktar kmieni din il-ġimgħa, kienu tal-Air Malta.

Minkejja l-pressjoni li qed issir fuq il-piloti, inkluż mill-Prim Ministru stess waqt il-laqgħat politiċi tal-Ħadd filgħodu, għad m’hemmx qbil bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-ALPA.

Il-Ministru Konrad Mizzi, li wara l-elezzjoni ġenerali, ingħata r-responsabbilta’ tal-Air Malta, kien ilu jpoġġi pressjoni. F’Settembru li għadda hu hedded li jekk ma jintlaħaqx ftehim, il-Gvern jagħlaq l-Air Malta u jerġa’ jiftaħ linja tal-ajru b’ħaddiema ġodda.

Bit-twaqqif tal-kumpanija tal-Gvern iktar kmieni din il-ġimgħa, jidher li l-Gvern jinsab pass eqreb biex din it-theddida tidħol fis-seħħ.

Konrad Mizzi jhedded lill-ħaddiema: “Nagħlqu l-Air Malta u nerġgħu niftħuha bi staff ġdid”