Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jinnomina lil John Rizzo bħala membru fuq il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jinnomina wkoll lil Janice Chetcuti bhala membru fuq il-bord tal-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista habbar li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jinnomina lil John Rizzo bħala membru fuq il-kummissjoni permanenti kontra l-korruzzjoni u lil Janice Chetcuti bħala membru fuq il-bord tal-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li n-nomina ta’ dawn iż-żewġ persuni ser tkun qed issaħħaħ l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

John Rizzo, li għandu 61 sena, serva fil-Korp tal-Pulizija għall-39 sena sħaħ bi 12 minnhom jokkuppa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Is-Sur Rizzo serva wkoll għall-3 snin bħala Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Tul il-karriera tiegħu fil-Korp tal-Pulizija John Rizzo mexxa bosta każi ta’ investigazzjonijiet kriminali li wasslu sabiex jiġu riżolti bosta każi ta’ portata, fosthom każi ta’ korruzzjoni b’mod partikolari l-każ ta’ korruzzjoni ta’ ex imħallfin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni se jinnomina wkoll lil Janice Chetcuti bħala membru fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ambjent u ir-Riżorsi. Janice Chetcutii li għandha 40 sena hija avukat u hija gradwata wkoll bħala għalliema kif ukoll fil-business managenment. Dr Chetcuti ilha żmien twil taħdem favur l-ambjent kif wkoll b’risq l-annimali.

Hi serviet bħala manager fid-direttorat tal-ħarsien tal-annimali. Preżenatment taħdem fl-uffiċċju tal-Kummissarju għall-harsien tal-annimali.

Il-Partit Nazzjonalista feraħ lil John Rizzo u Janice Chetcuti għall-karigi ġodda li se jokkupaw.