Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet wara li matul il-lejl li għadda twettaq att vandalu fuq waħda min-niċeċ f’Ta’ Pinu. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li xi persuna jew persuni s’issa mhux identifikati waddbu ġebla fuq waħda mill-affreski li hemm installati fit-triq li twassal għas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu.
Konsegwenza t’hekk, l-ħġieġa li kienet qed tipproteġi l-opra tal-arti bix-xbieha tal-Madonna fuqha nkissret għal kollox. Dawn l-affreski bl-istem ta’ The Pilgrims Way huma xogħol l-artist Sergio Favotto li kienu ngħataw lis-Santwarju bħala donazzjoni.
Dan filwaqt li hekk kif kien qiegħed Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia malli sema’ bl-aħbar iddeċieda minnufih li jmur iżur is-sit ta’ fejn twettaq dan l-att li hu għal kollox ta’ stmerrija.
Intant fi stqarrija l-Ministeru għal Għawdex ikkundanna dan l-att vandalu fejn ġie spjegat li aġir bħal dan ma jsarfu f’ebda benefiċċju.