“Rappreżentanti tal-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew qed jitolbu għal azzjoni kontra Pilatus Bank” – David Casa
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa qal li ngħata provi ġodda li kien mitlub jgħaddihom lill-Bank Ċentrali Ewropew. “Il-konklużjoni li niġbed minn din l-informazzjoni tmur lil hinn mill-fatt li Pilatus Bank hu involut f’ħasil ta’ flus. Kollox jindika li l-bank twaqqaf mill-bidu nett biex jaħsel il-flus, inkluż il-fatt li l-ħaddiema tal-bank ingħataw struzzjonijiet biex jiffabrikaw traċċi li jiġġustifikaw tranżazzjonijiet suspettużi wara li dawn isiru,” qal David Casa.
Hu ġibed l-attenzjoni tal-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar ir-rapport li ġie ppubblikat il-ġimgħa li għaddiet mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta. Ir-rapport intbagħat kemm lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi kif ukoll lil Andrea Enria, iċ-Chairperson tal-Awtorità Bankarja Ewropea, mill-MEP Soċjalista Ana Gomes, fil-kariga tagħha ta’ Chairperson tad-delegazzjoni li ġiet Malta.
David Casa qal li t-talba tiegħu għal intervent mill-Bank Ċentrali Ewropew hi pożizzjoni li ħaduha r-rappreżentanti tal-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew. Ir-rapport jikkonkludi li l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jintervjeni biex janalizza kif Pilatus Bank tħallietlu liċenzja biex jibqa’ jiprovdi servizzi fl-Unjoni Ewropea, u kif ukoll biex jara jekk teżistix possibilità li jintervjeni biex titneħħa din il-liċenzja.
David Casa sostna li kemm ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru li għadda dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, kif ukoll ir-rapport tad-delegazzjoni li ġie ppubblikat fil-11 ta’ Jannar, juru li dan hu tħassib serju għar-rappreżentanti tal-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew.
Ara l-ittra mibgħuta minn David Casa liċ-Chairman tal-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew Daniele Nouy hawn taħt.
//= $special ?>