Lokali

FILMAT: Titħabbar il-mewt tal-Isqof Silvestru Magro

Kmieni dalgħodu miet l-Isqof Silvestru Magro, li serva bħala Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja bejn l-1997 u l-2016.

Monsinjur Magro jibqa’ magħruf għall-umiltà tiegħu u għad-determinazzjoni tiegħu, meta għażel li jibqa’ mal-poplu Libjan anke fl-aktar żminijiet diffiċli u perikolużi.

Fi Frar tal-2006 il-knisja u d-dar tal-Isqof Magro ġew attakkati, misruqa u ngħataw in-nar

L-Isqof Magro, li kellu 76 sena, huwa t-tielet Isqof Malti li miet f’inqas minn xahar wara  l-mewt tal-Isqof Adeodato Micallef u ftit warajh tal-Isqof Emmanuel Barbara li l-funeral tiegħu se jsir nhar is-Sibt 27 ta’ Jannar fil-Katidral tal-Imdina.

Segwi l-aħħar intervista ta’ Silvestru Magro ma’ Net News.

Mons. Sylvestru Carmel Magro, Twieled ir-Rabat fl-14 ta’ frar 1941, huwa studja fil-Kulleġġ Stella maris tal-Gżira u ngħaqad mal-Patrijiet Franġiskani fl-1957. Studja l-filosofija u t-teologija fis-Seminarju Franġiskan tar-Rabat. Hu pprofessa fl-1962 u kien ordnat saċerdot fl-1966. Huwa kompla l-istudji tiegħu fl-Università Pontificja Antonianum u f’dik tal-Lateran f’Ruma fejn ħa d-dottorat fit-teoloġija dommatika u fit-teoloġija pastorali.

Meta ġie lura Malta, Mons. Magro beda jgħallem it-teoloġija fis-Seminarju Franġiskan. Fl-1982 inħatar kappillan tal-Parroċċa tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Fl-1988 huwa ngħaqad fil-missjoni Franiskana tal-provinċja ta’ Milan fil-Libja, li aktar tard f’Mejju tal-1991 għaddiet f’idejn il-provinċja tagħna ta’ Malta.

Fl-istess żmien hu nħatar vigarju ġenerali tal-Isqof Giovanni Martinelli. Inħatar ukoll kappillan tal-komunità Kattolika Maltija u tal-komunitajiet kattoliċi li jitkellmu bl-Ingliż.

Fl-1997 huwa inħatar isqof ta’ Salde u vigarju appostoliku ta’ Benghazi fil-Libja.

Fll-2002, Mons. Magro ingħata ‘The cross of the Equestrian Order of Merit’ mill-President Pollakk, għall-ħidma tiegħu fost il-komunità Kattolika Pollakka fil-Libja.

Għal dawn l-aħħar xhur, huwa kien irtira fil-Kuvent tal-Franġiskani tar-Rabat, biswit il-knisja li fiha trabba.

Il-Quddiesa presente cadavere tal-Isqof Magro ser issir nhar it-Tnejn, 22 ta’ Jannar 2018, fl-10a.m. fil-Katidral tal-Imdina. Se jippresiedi l-Quddiesa l-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Għada, il-Ħadd, 21 ta’ Jannar, fit-8:30 a.m., korteo funebri ser jitlaq mill-Isptar Mater Dei sas-Saqqajja, ir-Rabat, fejn il-Banda L’Isle Adam u l-Banda Sliema ser jakkumpanjaw il-korteo sal-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, fi Triq San Pawl, ir-Rabat.

It-Tnejn, fid-9:30 a.m., il-korteo jitlaq mill-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani sal-Katidral tal-Imdina fejn issir il-Quddiesa tal-funeral.

It-tgħanniqa tal-Papa ma’ Isqof Malti ddur id-dinja