Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Għada: il-Parlament Ewropew jiddiskuti r-rapport dwar Malta

Għada filgħodu, l-Parlament Ewropew se jkun qed jiddiskuti l-konklużjonijiet tar-rapport tad-delegazzjoni li ġiet Malta f’Novembru li għadda, dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Il-konklużjoni ewlenija ta’ dan ir-rapport kienet li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi għandhom jitkeċċew u tinfetaħ investigazzjoni dwarhom.

Id-dibattitu se jsir fil-Kumitat Parlamentari għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern fid-9 ta’ filgħodu, u għaliha se jattendu wkoll il-Membri Parlamentari Ewropej li kienu parti mill-Kumitat PANA.

Sa issa, l-Parlament Malti għadu ma ddiskutiex dan ir-rapport dwar Malta, u l-uniku reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat kienet li hu jimpurtah biss x’jgħidu l-Prim Ministri mhux il-Membri Parlamentari Ewropej. Id-delegazzjoni kienet immexxija mill-MEP Soċjalista Ana Gomes li lbieraħ, fi stqarrija, insistiet li l-eks uffiċjali tal-FIAU Jonathan Ferris jingħata l-protezzjoni u status ta’ whistleblower.

Ara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Parlament Ewropew hawnhekk:

Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jitneħħew u jkunu investigati – ir-rapport tad-delegazzjoni tal-PE dwar Malta

F’sessjoni plenarja fi Strasburgu f’Novembru, l-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni li tinsisti biex is-saltna tad-dritt f’Malta tkun segwita mill-qrib, li jissaħħu l-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll il-fatt li jeżistu dubji serji ta’ korruzzjoni mill-bejgħ tal-passaporti. Dan id-dibattitu sar xahar biss wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Parlament Ewropew jivvota b’saħħa favur ir-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta