Lokali

Il-Knisja tippreċiża li t-tifla ta’ seba’ snin li mietet f’Ħaż-Żabbar ma kinitx taħt il-kura tad-Dumnikani

Il-Knisja ċaħdet rapporti li t-tifla ta’ seba snin li mietet fl-aħħar jiem f’residenza tad-Dumnikani f’Ħaż-Żabbar kienet taħt il-kura tagħha jew tad-Dumnikani.

Fi stqarrija mill-Kummissjoni Emigranti ntqal li fl-2016 kienet saret talba mill-Aġenzija tal-Gvern għal Ħarsien ta’ Persuni li qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS, biex il-familja Niġerjana tingħata residenza fejn tgħix.

Fid-dawl ta’ dan, ir-residenza tas-Sorijiet tad-Dumnikani ġiet mislufa lil din il-familja biex jgħixu fiha b’mod indipendenti.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li t-tifla mietet kawża ta’ anemija severa għaliex kienet fjakka u debboli. Jirriżulta wkoll li t-tifla kien ilha xhur ma tattendi l-iskola u kienet għaddejja minn tbatija minħabba sitwazzjoni ta’ mard mentali fil-familja.

L-inkjesta, mmexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia filfatt trid tistabbilixxi għaliex diversi rapporti ġew injorati mill-awtoritajiet, fosthom mill-Aġenzija Appoġġ li kien ilha xhur issegwi lit-tfal tant li kien hemm żmien fejn kienu taħt care order.

Minkejja dan, il-Ministru Michael Falzon, responsabbli mill-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, skarta l-possibbiltà li ssir xi investigazzjoni fuq l-Aġenzija Appoġġ għaliex qal li “d-dar mhix immexxija mill-Appoġġ.”