Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Joseph Muscat bi pressjoni fuq il-Parlament Ewropew biex għad-dibattitu dwar Malta jattendi Owen Bonnici

netnews.com.mt jinsab infurmat li l-Prim Ministru Joseph Muscat, fl-aħħar ġranet, għamel pressjoni fuq membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew li għada se jiddibatti r-rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, biex għal dan il-Kumitat jattendi l-Ministru Owen Bonnici. Din il-pressjoni saret bil-għan li Joseph Muscat itaffi xi ftit il-kritika li qed issir fil-konfront tiegħu mill-Membri tal-Parlament Ewropew mill-gruppi politiċi kollha. Fil-fatt, għad-dibattitu ta’ għada, kellu jirrikorri għal Owen Bonnici wara li lanqas Deputati Parlamentari mill-grupp politiku tiegħu m’huma qed jappoġġjawh fid-difiża tiegħu għar-rapport dwar Malta.

Dan is-sit jinsab infurmat li Owen Bonnici ntgħażel bil-għan li jiprova jikkonvinċi lill-MEPs li r-rapport tagħhom stess ma jirriflettix l-istat reali tal-Gvern Malti. Dan hekk kif ir-rapport jinsisti, fost l-oħrajn, biex jitkeċċew il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. netnews.com.mt hu mgħarraf li Owen Bonnici ngħata l-permess biex jattendi għal dan id-dibattitu, li se jsir fi Brussell.

Għada: il-Parlament Ewropew jiddiskuti r-rapport dwar Malta