Futbol Sport

Bert van Marwijk maħtur kowċ tal-Awstralja

Bert van Marwijk

Bert van Marwijk ġie maħtur bħala kowċ nazzjonali tal-Awstralja u b’hekk se jkun hu li jmexxi lit-tim waqt it-Tazza tad-Dinja li se ssir din is-sena. Fil-passat Bert van Marwijk mexxa timijiet nazzjonali oħra bħal ma huma l-Arabja Sawdija u l-Olanda.

L-Awstraljani kienu qed ifittxu kowċ wara li xhur ilu, ftit jiem wara li t-tim ikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja, l-kowċ Ange Postecoglou ħabbar li kien se jirriżenja mill-kariga. Din se tkun ir-raba’ darba konsekuttiva li l-Awstralja se tikkompeti fit-Tazza tad-Dinja.

Van Marwijk, li hu Olandiż, kien mexxa lit-tim ta’ pajjiżu sal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2010 li dakinhar dawn kienu tilfu kontra Spanja.

L-istess Van Marwijk għen lill-Arabja Sawdija jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja imma wara nuqqas ta’ qbil mal-FA Għarbija ma ġeddidx il-kuntratt u issa se jkun qed imexxi lis-Socceroos.