Futbol Sport

FUTBOL – Real Madrid eliminati mit-Tazza tar-Re

Plejers ta’ Leganes jiċċelebraw wara li eliminaw lil Real

Il-mument negattiv ta’ Real Madrid kompla meta tard l-Erbgħa filgħaxija dawn sfaw eliminati mit-Tazza tar-Re meta fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali tilfu bi skor ta’ 2-01 f’darhom stess kontra Leganes.
Il-Merengues kienu rebħu l-ewwel leg u b’hekk bdew favoriti li fil-Bernabeu jkunu huma li jgħaddu għall-fażi li jmiss.

Madankollu Leganes, b’wirja mill-aqwa għelbu lit-tim immexxi minn Zinedine Zidane li fuqu qed tkompli żżid il-pressjoni. Mill-aħħar ħames partiti li lagħbu f’darhom Real issa tilfu tlieta.

Barra minn hekk Real jinsabu 19-il punt taħt Barcelona fil-klassifika tal-kampjonat u jidher ferm diffiċli għalihom li jiddefendu t-titlu li rebħu sena ilu.

Javier Eraso skurja l-ewwel gowl fil-Bernabeu biex għamel l-iskor tal-aggregate indaqs imma żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Real għamlu l-iskor 1-1 b’gowl ta’ Benzema. Għal Benzema, dan kien l-ewwel gowl tiegħu sa minn Novembru li għadda.

Minn hawn kollox deher li Real kienu se jieħdu kontroll tal-logħba imma kienu Leganes li skurjaw permezz ta’ Pires li sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras għal skor finali ta’ 2-1.

Zidane innifsu ammetta li l-konfront tal-fażi tal-aħħar 16 kontra PSG se jkun wieħed deċiżiv għall-futur tiegħu.

Wieħed irid jiftakar li sena ilu kienet waħda mill-aqwa gaħl Real li għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom rebħu ħames titli maġġuri imma jidher li din is-sena se tkun diffiċli għalihom.