Lokali

Il-konklużjonijiet tar-rapport dwar is-saltna tad-dritt iridu jiġu ndirizzati mingħajr dewmien – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Ritratt (Arkivji)

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dak ħareġ mir-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt trid tiġi indirizzata mingħajr aktar dewmien b’mod partikolari wara d-dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew.

L-Ewroparlamentari kritikaw lill-Gvern talli naqas milli jieħu azzojni kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri. Numru ta’ ewro-parlamentari kritikaw ukoll il-fatt li Pilatus Bank u Nexia BT komplew iżommu l-liċenzja tagħhom biex jipprovdu servizzi saħansitra fl-Unjoni Ewropea.

Adrian Delia saħaq li hi ta’ sfortuna li s-sitwazzjoni waslet s’hawn. L-azzjoni kontra dawk li nqabdu fil-fatt kellha tittieħed żmien ilu. Iktar mal-Prim Ministru jdum ma jieħu azzjoni aktar se ssir ħsara lill-pajjiż. L-ispjega li ta l-Prim Ministru mhux kredibbli u twassal biss biex iżżid is-suspetti.

Adrian Delia qal li l-poplu Malti mhux waħdu. Dak li ġara fil-Parlament Ewropew juri li l-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew huma lesti li jieqfu flimkien ma’ Malta kontra l-korruzzjoni.

David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qed jagħmlu d-dover tagħhom fil-konfron ta’ Malta u l-poplu Malti u Għawdxi. Ma għandna qatt nieqfu fil-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni temm jgħid Adrian Delia.