Futbol Sport

FILMAT: Valletta jwaqqgħu l-punti

Ryan Camilleri jinterċetta qabel Michele Sansone (Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: Keane Cutajar

VALLETTA…………………….1

SLIEMA W……………………..1

Valletta: H. Bonello, S. Borg, R. Camilleri, S. Malano (M. Mifsud 82’), M. Picciolo, K. Nwoko, E. Pena Beltre, J. Zerafa, R. Saleh, C. Pani (R. Muscat 71’), M. Alba (A. Prosa 59’)

Sliema: G. Zammit, S. Bianchardi, M. Muchardi, F. Temile, N. Milincenau (J. De Assis 71’), M. Scerri, M. Sansone (E. Agius 83’), P. Xuereb (G. Aquilina 90’), A. Ni Nortney, J. Mintoff, G. Adamovic

Imwissija: S. Borg 7’, J. Zerafa 78’ (V) F. Temile 28’, G. Adamovic 32’, A. Ni Nortey 35’, S. Biancardi 42’ (S)

Skorjaw: M. Scerri 15’ (S) A. Prosa 82’ (V)

Referee: Stefan Pace

Assistant Referees: Alan Camilleri, Thomas Debono

Assistenti Referees Addizzjonali: Glen Tonna, Eman Grech

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Michele Sansone (Sliema)

Attendenza: 589

F’konfront bejn żewġ ġganti tal-futbol Malti, li attwalment huma mmexxija minn żewġ eks plejers tal-istess kampjonat li ħallew impatt fi żmienhom, assistejna għal partita movimentata li sbieħet aktar ma kemm għadda ħin.

Riżultat li l-iktar li ffavorixxa kien lit-tim ta’ Balzan hekk kif issa jistgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-quċċata tal-klassifika jekk jirbħu l-konfront li jmisshom.

Interessanti l-fatt li kemm Danilo Doncic kif ukoll John Buttigieg kienu kemm kowċis kif ukoll plejers ta’ Sliema u ta’ Valletta fil-karriera tagħhom.

Sliema marru minn fuq wara biss kwarta logħob hekk kif wara xogħol tajjeb ferm ta’ Matias Muchardi barra il-kaxxa, il-kross wasal għand il-captain Mark SCERRI li għeleb tajjeb in-nasba tal-offside qabel tefa’ bir-ras wara l-eks kollega tiegħu, Henry Bonello.

Ir-risposta Beltija waslet fis-27 minuta wara li Glenn Zammit salva xutt minn barra l-kaxxa, il-ballun ġie għand Kyrian Nwoko li kellu l-ispazju magħluq tajjeb mid-difensuri Slimiżi. L-azzjoni pero baqgħet f’saqajn Valletta bl-aħħar xutt ta’ Enmy Pena Beltre jgħaddi barra, xutt li bih seta’ għamel aħjar.

Hekk kif qabżu n-nofs siegħa logħob, il-plejers ta’ Valletta kienu għoddhom ġew waħedhom ma’ Glenn Zammit iżda Goran Adamovic waqqaf l-azzjoni b’fawl tattiku viċin il-kaxxa l-kbira. Fost protesti kbar mit-tim u l-partitarji tal-Belt, ir-referee Stefan Pace ħareġ biss karta safra.

Il-logħba qamet fuq tagħħa fit-tieni taqsima u Valleta resqu viċin darbtejn infila lejn il-bidu. Kien Zammit li salva l-ewwel fuq xutt ta’ Ibrahim Saleh u wara  mill-istess korner reġa’ kien attent. Minuti biss wara, Bonello dawwar tajjeb f’korner, ballun li deher għal ġewwa.

Kif kien fadal kwarta logħob, it-tim ta’ John Buttigieg għal ftit ma għamilhomx tnejn iżda x-xutt għadda ċentimetri barra wara devjazjoni Beltija.

Il-pressjoni ta’ Valletta sarrfet f’gowl fit-82 minuta meta s-sostitut Albert PROSA daħal tajjeb fil-kaxxa u laħaq qabel kulħadd biex xeħet fix-xibka.

Valletta kellhom gowl imħassar fid-90 minuta fuq senjalazzjoni tar-referee għal dak li deher fawl.