Lokali

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jgiddeb lil Owen Bonnici wara li prova jqarraq fil-Parlament Ewropew

Il-Ministru tal-Ġustizzja qed jgħawweġ il-verità

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia giddeb lill-Ministru Owen Bonnici wara li fil-Parlament Ewropew, dan prova jqarraq dwar il-Partit Nazzjonalista. Fil-Parlament Ewropew, Owen Bonnici prova jagħti l-impressjoni li għall-Partit Nazzjonalista u għall-Kap Adrian Delia, m’hawnx problema ta’ rule of law Malta – xi ħaġa li m’hix minnha.

“Jiena naħseb li l-Ministru Owen Bonnici qed jgħix f’pajjiż differenti minn dak li qed ngħixu fih aħna. Qed jisma’ aħbarijiet differenti, jew mhux qed isegwi dak li qed ngħidu. Owen Bonnici mhux qed ikun preżenti fil-Parlament, jew mhux qed jisma’ l-istqarrijiet li qed nagħmlu,” qal Adrian Delia f’kummenti ma’ NET News.

“Il-Ministru Owen Bonnici nesa jew qed jagħżel li jinsa, jew qed jgħid kelma b’oħra meta jipprova jissuġerixxi li l-Partit Nazzjonalista jew jiena, b’xi mod, qed nikkondividu dan l-aġir tal-Gvern. M’huwiex minnu. Ilni ngħid għal xhur sħaħ li dan m’huwiex pajjiż normali”, qal Adrian Delia. “Ilni ngħid xhur sħaħ li dan il-Gvern huwa korrott mill-qiegħ tiegu”, żied jgħid waqt li saħaq li kienet din ir-raġuni għaliex ħass li kellu joħroġ għall-politika u jitkellem. “Ma nistax ma nitkellimx meta nara lil pajjiżi f’dan l-istat”, qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qal li ma jaqbilx li jinfetħu proċeduri ta’ saltna tad-dritt kontra Malta, u dan biex ma ssirx ħsara għal pajjiżna. Imma Owen Bonnici, fil-Parlament Ewropew, uża dan il-kumment biex prova jagħti l-impressjoni li għall-Partit Nazzjonalista, m’hawnx problema.

“Jekk il-Ministru Bonnici jrid jagħmel il-ġid għal Malta, jagħmel kif qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista u l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, u mhux jipprova jindika li l-Partit Nazzjonalista jew jien b’xi mod qed nagħti ċertifikat lil dan il-Gvern”, żied jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Kien hawnekk fejn Adrian Delia stieden lil Owen Bonnici biex malli jiġi lura Malta, jiltaqa’ miegħu jew inkella jaċċetta li jsir dibattitu fil-Parlament sabiex jibdew jittieħdu l-passi neċessarji billi jissewwa dak li hemm ħażin. Kien hawnekk fejn fil-kummenti tiegħu, Adrian Delia semma dak kollu li jeħtieġ li jsir f’pajjiżna.

“Il-Ministru Owen Bonnici mhux qed jifhem, jew qed jinsa, jew qed imur barra minn pajjiżna u ma jgħidx li aħna f’Ottubru, fil-Parlament, għidna testwalment li biex insalvaw l-istituzzjonijiet tagħna jeħtieġ li mill-ewwel jirriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija; irid jirriżenja jew jitneħħa l-Avukat Ġenerali; iridu jgħaddu liġijiet fi żmien sitt xhur biex jissaħħu l-istituzzjonijiet f’pajjiżna; trid tissejjaħ il-Konvenzjoni Kostituzzjonali; u jridu jgħaddu l-liġijiet biex il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jibdew jinħatru b’żewġ terzi tal-Parlament”, spjega Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li hemm differenza bejn li ma jridx Artiklu 7, kwotat minn Owen Bonnici, milli jiskatta kontra Malta – u l-pożizzjoni ta’ tħassib dwar dak li qed jiġri f’Malta. “Użgur li ma rridx li jiskatta Artiklu 7”, fisser Adrian Delia. “Dak ikun ifisser rovina għal Malta, għal pajjiżna u għal uliedna”, żied jispjega. “Imma biex ma jiskattax dak l-artiklu kontra Malta, il-Gvern irid jieħu l-passi kollha neċessarji u jagħti s-sinjali minnufih. Irridu li aħna, l-Oppożizzoni, nġiegħlu lill-Gvern biex dak li għandu jsir biex jissewwew l-istituzzjonijiet, iseħħ minnufih”, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.