Internazzjonali

‘Il-politika ‘America First’ ma tfissirx bieb magħluq għal ħaddieħor’ – Donald Trump

Il-President Amerikan Donald Trump, waqt diskors f’Davos, fl-Iżvizzera, informa lill-protagonisti fil-qasam finanzjarju globali li hu dejjem se jqiegħed lill-Istati Uniti l-ewwel fejn jidħlu affarijiet ta’ kummerċ, ‘għalkemm dan ma jfissirx li kunċett ta’ Stati Uniti biss u ħadd aktar’.

Waqt id-diskors inawgurali tiegħu lill-Forum Ekonomiku Dinji, Trump tenna li ‘l-Istati Uniti tinsab bil-bibien miftuħa għall-kummerċ (mad-dinja)’ iżda, fl-istess ħin, attakka lill-metodi tal-kummerċ li jimmiraw għal sitwazzjonijiet ta’ ‘rebbieħa u telliefa, fejn naħa tispiċċa tbati għall-iskaptu tal-oħra’. Dan waqt li hu wissa lis-sieħba ta’ Washington li l-Istati Uniti ma tittollerax aspetti ta’ negozju li mhumiex xierqa.

Il-kampanja ta’ Trump qabel l-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza Amerikana kienet ikkonċentrat fuq it-tema ‘America First’ bil-għan li l-manifatturi fl-Istati Uniti jkunu protetti mill-kompetizzjoni barranija. Din il-politika dehret bħala kontradizzjoni għall-għanijiet tal-konferenza ta’ Davos fejn l-iskop jibqa’ wieħed għat-tkattir tal-globalizzazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi.