Qorti

FILMAT: Żagħżugħ li fera żewġ Pulizija jitressaq il-Qorti – jobżoq lill-membri tal-midja

Tressaq il-Qorti ż-żagħżugħ ta’ 23 sena miċ-Chad li l-Ġimgħa fid-9am weġġa’ żewġ Pulizija li ppruvaw jarrestawh fi Ġnien Vilhena, fil-Floriana.

Wara rapport li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż, Surġent u Kuntistabbli mis-Sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit marru fil-post fejn sabuh fix-xifer tas-sur tal-Ambaxxata Torka b’injama f’idu.

Meta l-Pulizija ordnaw iż-żagħżugħ li għandu 23 sena miċ-Chad biex ineħħi l-injama minn idejħ, ir-raġel beda jirreaġixxi b’mod agressiv u saħansitra ħareġ mus għalihom. Kien hawn li l-uffiċjali ppruvaw jarrestaw lil-agressur, li hu residenti l-Marsa, iżda rreżista u kien f’dan il-ħin li attakkahom.

Jirriżulta li sakemm ġie mrażżan, is-Surġent sofra ġreħi ħfief waqt li l-Kuntistabbli sofra ksur f’subagħajh ta’ jdejh.

Intant dalgħodu, meta kien qed jitressaq il-Qorti taħt arrest, iż-żagħżugħ kompla jaġixxi b’mod agressiv u saħansitra beżaq darbtejn lejn ġurnalist ta’ dan l-istazzjon u ġurnalista tal-istazzjon nazzjonali.

Fil-Qorti, hu rrifjuta li jitkellem anke mal-avukat tiegħu u ma weġibx jekk hux jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti ddeċidiet li mhux jitlob dan u allura nżamm arrestat.