Lokali

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jżur iż-Żejtun, iż-Żurrieq u Marsaxlokk

Triq Alfred Cachia Zammit, iż-Żejtun, Vjal ix-Xarolla ż-Żurrieq huma żewġ toroq li minbarra li ilhom madwar sena, sena u nofs biex jitlestew huma wkoll ta’ periklu għar-residenti.

Il-bieraħ filgħodu żar dawn it-toroq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex jara s-sitwazzjoni li ilhom jitkellmu dwarha r-residenti tagħhom.

Żar anke Triq l-Arznell f’Marsaxlokk. F’din it-triq il-kwistjoni m’hix dwar id-dewmien tax-xogħol li beda daqs xahrejn tlett xhur ilu imma dwar il-periklu aktar u aktar hekk kif it-triq hi viċin l-iskola primarja ta’ Marsaxlokk.

Waqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar Triq Alfred Cachia ż-Żejtun hu kien akkumpanjat mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Amanda Abela.

Mieghu hi tkellmet dwar l-ilmenti kontinwi tar-residenti li qed jagħmlu magħhom il-Kunsilliera, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jispjega kif din is-sitwazzjoni hi inaċettabbli anke għall-ħwienet ta’ din it-triq. Meta kien iż-Żejtun, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ anke ma’ anzjana li spjegatlu kif ftit taż-żmien ilu waqgħet fit-triq u spiċċat biex għamlet 30 punt f’idejha. Hawn il-Kap tal-PN qal li dan kollu juri kif il-gvern qed jgħaddi ż-żmien bin-nies għaliex fejnirid ftejhim li se jħalli miljun fil-but ta min irid hu isir fl-immedjat u bil-moħbi bħal filkaż tal-vitals u fejn jidħlu l-bżonnijiet tar-residenti li kull ma jridu hu li t-triq titlesta fi żmien diċenti – dan ma jsirx anzi l-gvern jittratjeni ruħu.

Fi Vjal ix-Xarolla, iż-Żurrieq, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrain Delia, kien akkumpanjat mill-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Dino Bonnici. Ix-Xogħol fi Vjal ix-Xarolla ilu sejjer madwar sena u nofs bid-dawl artifiċjali għadu qed jinxtel tul minkejja li x-xogħol jidher li hu wieqaf anke matul il-ġurnata. Anke hawn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-karba tar-residenti. Qal li ma jistax ikun li f’sen u nofs ix-xogħol f’dinit-triq ma jitlestiex. “Ġejna f’ġurnata tax-xogħol u la hawn ħaddiem wieħed u lanqas tip ta’ għodda jew makkinarju li qed jaħdmu, xejn, kollox wieqaf. Imbgħad il-gvern iridna nemmnuh li se jonfoq €700 miljun biex jirranġa t-toroq. Jekk it-toroq kollha se jitranġaw b’dan ir-ritmu żgur li pajjiżna se jkompli jkun staġnat fejn tidħol infrastruttura.”

Fi Triq l-Arznell, f’Marsaxlokk, Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kunsilliera Janice Chetcuti li minn naħa tagħha f’isem ir-residenti spjegat kif il-kwistjoni m’hix dawr iż-żmien li qed jittieħed biex jitlesta x-xogħol, għaliex jifmhu li x-xogħol irid isir u jrid iż-żmien tiegħu pero fejn tidħol sigurta’ għar-residenti u għal tal-ħwienet m’hemmx. “Dan huwa l-gvern tas-surplus, dan hu l-gvern tal-aqwa żmien pero’ mhux il-gvern li qed jisma’ l-karba tan-nies u l-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum. Aħna se nkomplu nżuru diversi lokalitajiet se nkomplu nisimgħu lin-nies dwar x’inhu l-inkonvenjent tagħhom biex b’hekk inkomplu bil-ħidma tagħha li nkunu viċin in-nies”  sostna l-Kap tal-PN, Adrian Delia.

Din it-triq f’Marsaxlokk kienet l-unika triq li minnha wieħed seta’ joħroġ bil-vettura mil-lokalita’ għalhekk kellhom isiru l-arranġamenti meħtieġa biex il-vetturi jingħaddu minn toroq oħra. Infatti bħalissa Xatt is-Sajjieda il-vetturi qed jitħallew jgħaddu kontra xulxin u dan qed iqajjem kaos fil-lokalita’.