Lokali

Il-papri tal-Marsa se jitneħħew mill-vaska mimlija ħmieġ li qed jgħumu fiha

Komunità ta’ madwar 200 papra salvaġġa li qed tgħum f’għadira mimlija ħmieġ u ilma fil-Marsa mistennija tiġi rilokata mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.

L-aħbar toħroġ jumejn wara li Net News irrapporta li l-papri jinsabu f’vaska mimlija ilma qiegħed waqt li ftit ftit qed imutu bil-ġuħ tant li fl-aħħar jiem bdew jitilgħu fuq l-art biex isibu xi ħaġa x’jieklu.

Waqt diskussjoni fuq Facebook, uħud mill-persuni li jitimgħuhom stqarew li fl-aħħar jiem mietu erba’ papri bil-ġuħ. Il-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalità, Jean Paul Zammit informa lir-residenti li b’reazzjoni għal dan, il-Kunsill Lokali talab li l-papri jitneħħew anke għaliex il-vaska suppost ilha li ngħalqet.

Fost il-kummenti ta’ dawk li jippruvaw jieħdu ħsieb dawn il-papri, kien hemm min iddikjara li jtuhom kemm ituhom ikel dan mhux biżżejjed apparti li l-ispejjeż huma kbar u wisq għal dawn il-feeders. Wieħed mill-feeders iddikjara li waħdu jagħti mal-100 kilo qamħirrun fix-xahar.

Dan wassal biex il-papri qed joħorġu fit-triq bit-tama li jsibu xi ħaġa oħra tal-ikel. Iżda l-problema hi wkoll il-ħmieġ kbir fiż-żewġ għadajjar fejn joqgħodu dawn il-papri, mimlija ħmieġ u ilma qiegħed.

Net News hu nfurmat li wħud mill-papri mietu fl-ilma u baqgħu hemm, bħalma baqa’ hemm il-ħmieġ kbir u skart mormi ta’ kuljum f’dawn l-għadajjar li fuq kollox jinsabu wkoll qrib ġnien u bandli tal-lokalità u fiċ-ċentru tal-Marsa.