Lokali

AĠĠORNATA: Ħabta bejn tliet karozzi f’Burmarrad: 7 l-isptar b’5 minnhom f’qagħda gravi

7 persuni kellhom jittieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara ħabta bejn 3 karozzi. Il-każ seħħ xit-8.30 ta’ dalgħodu fi Triq Burmarrad, f’Burmarrad meta għal xi raġuni mhux magħrufa seħħ impatt bejn vettura tat-tip Peugeot 306 misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti Ħad-Dingli u vettura tat-tip Toyota Starlet misjuqa minn ġuvni ta’ 27 sena residenti l-Mosta.

Flimkien max-xufier tal-vettura Toyota Starlet kien hemm żewġ tfajliet ta’ 24 sena u 26 sena u ġuvni ta’ 26 sena kollha residenti l-Mosta. Sussegwentement vettura tat-tip Toyota Corolla spiċċat milquta ukoll. Il-vettura kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ 24 sena residenti l-Mosta, li flimkien miegħu kien hemm tfajjel ta’ 5 snin.

Fuq il-post issejħu immedjatament uffiċjali tal-Pulizija, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lix-xufier ta’ 39 sena kif ukoll lix-xufier ta’ 27 sena kif ukoll tim mediku tal-ambulanzi.

Il-persuni kollha involuti f’dan l-inċident ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ diversi ambulanzi sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.

Aktar tard, il-persuni kollha li kien hemm fil-vettura tat-tip Toyota Starlet ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ta’ natura gravi,  x-xufier ta’ 39 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi, filwaqt li x-xufier tal-vettura Toyota Corlla u t-tifel ta’ 5 snin fortunatament ġew iċċertifikat li qeghdin isofru minn ġriehi ħfief.

Ritratti: Martin Agius