Matul dawn it-tlett ijiem kienet organizzata maratona b’risq il-missjoni, organizzata mill-fondazzjoni U. Maratona li matulha qed jinġabru fondi b’risq għaqdiet Maltin li jagħmlu xogħol mal-foqra. Illum żar din il-maratona il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Fil-messaġġ tiegħu f’din il-maratona, Adrian Delia rrakkonta li hu stess għamel esperjenza fil-missjoni meta mar jagħmel xogħol volontarju fl-Etiopja. Adrian Delia qal li xi minn daqqiet ninsew u nieħdu kollox for granted fid-dinja. Żied jgħid li min xi darba qatt mar fuq missjoni, jifhem li hawn tfal li jorqdu barra fuq l-injam mal-art u biex iġibu l-ilma jimxu triq twila ħafna.
Adrian Delia saħaq li mill-Università bosta studenti mingħalihom li dawn huma affarijiet tal-passat, madanakollu hawn bosta persuni li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Adrian Delia stqarr li kemm-il darba jgħid l-uliedu li l-problemi tagħna m’huma xejn ħdejn l-affarijiet li jridu jħabtu wiċċhom eluf ta’ tfal oħra.
Il-fundatur tal-Fondazzjoni U kif ukoll wieħed mill-organizzaturi ta’ din il-maratona, Dun Ġwann Farrugia, faħħar id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn insista li ma tkellimx fl-ambiti ta’ politiku iżda ta’ uman li mess mar-realtà tal-missjoni
Matul il-maratona ħadu sehem diversi personalitajiet u l-flus miġbura se jmorru b’risq 14-il għaqda li jagħmku xogħol fil-missjoni.


