Lokali

Investitur ta’ Vitals jagħmlilhom mandat ta’ inibizzjoni … it-tobba ma jeskludux strajk

Wieħed mill-investituri tal-kumpanija Vitals Global Healthcare ressaq mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti biex iwaqqaf il-bejgħ tal-isptarijiet lokali.

Ashok Rattehalli kellu jirrikorri fil-Qorti wara li ma ngħata l-ebda garanzija li l-ishma tiegħu mhux se jiġu affettwati meta jsir it-trasferiment tal-isptarijiet mingħand Vitals għal għand Steward Healthcare.

Fil-mandat tiegħu, Rattehalli jitlob li d-drittijiet tiegħu jiġu protetti meta jsir il-bejgħ jew trasferiment tal-ishma tiegħu minn kumpanija għall-oħra. Hu għandu 5% tal-ishma ta’ VGH.

Rattehalli qed jisħaq ukoll li meta ġie biex jinvesti, kien imwiegħed post fuq il-Bord Mediku tal-isptarijiet, xi ħaġa li jiddikjara li qatt ma mmaterjalizzat. Filfatt hu kien għamel mandat ieħor fid-19 ta’ Diċembri, li madankollu rtira f’Jannar.

Mhux magħruf meta se jseħħ it-trasferiment tal-isptarijiet lokali u l-prezz ta’ dan it-trasferiment, għalkemm kollox jindika li Vitals kienet sfurzata tbiegħ kollox kawża ta’ problemi finanzjarji.

Sadattant, jekk it-trasferiment iseħħ, il-problemi mistennija jeskalaw hekk kif il-Union Maltija tat-Tobba se tirrifjuta li tiltaqa’ mas-sidien ġodda.

Il-President tal-MAM Martin balzan filfatt iddikjara ma’ The Times of Malta li ma jeskludix azzjonijiet industrijali, inkluż strajk tat-tobba, kif ukoll azzjoni legali fil-konfront tal-Gvern.

Qal li l-MAM qed tinżamm fid-dlam dwar dak li qed iseħħ u jrid jara l-kuntratt iffirmat bejn il-partijiet konċernati.

“S’issa, l-impressjoni tagħna hi li dan it-trasferiment ikun aħbar ħażina. Ninsabu mħassba li b’dan it-trasferiment se niġu fl-istess taħwid li konna fih taħt Vitals,” iddikjara Balzan, li saħansitra akkuża l-Gvern li qed iħares li jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu minflok jara x’inu l-interess nazzjonali.