Edukazzjoni Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“L-Università ta’ Malta ma tistax tkun fuq l-istess livell tal-AUM” – Zammit Dimech

L-Università ta’ Malta hi istituzzjoni b’reputazzjoni għolja, li minnha jiddependu l-futur ta’ eluf ta’ studenti. Ejja nżommuha u nsaħħu dan il-livell. F’dan id-dawl, nappella lill-Gvern biex jirrispetta l-awtonomija tal-Università meta jiġi biex jabbozza liġi ġdida għall-Università. L-Università għandha tipparteċipa wkoll fi scoreboards Ewropej biex tkun f’pożizzjoni aħjar biex teżamina l-awtonomija tagħha.

Dan qalu l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet, li l-Università ta’ Malta hi membru tagħha. Zammit Dimech qal li l-istakeholders – fosthom l-akkademiċi – esprimew it-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ ċertezza dwar ir-rwoli li ż-żewġ bordijiet proposti se jkollhom, kif dawn se jaħdmu mal-istrutturi eżistenti u l-impatt li jista’ jkollhom mill-lat akkademiku. Hu qal li jekk l-intenzjoni hi li l-amministrazzjoni tkun aktar effiċjenti, allura din hi xi ħaġa tajba, iżda għandu jintlaħaq bilanċ bejn l-awtonomija u l-kontabbilità.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-Università Amerikana ta’ Malta, u qal li kemm hu kif ukoll il-Partit Nazzjonalista żgur li mhumiex kontra l-iżvilupp tal-edukazzjoni terzjarja f’Malta. Hu fakkar kif amministrazzjonijiet Nazzjonalisti kienu inċentivaw u fetħu s-settur biex jattiraw lejn Malta ċentri ta’ eċċellenza, kif ukoll offrew għażla vasta ta’ edukazzjoni terzjarja. Dan kien seħħ b’mod partikolari bit-twaqqif tal-MCAST kif ukoll billi ġew attirati istituti u Universitajiet barranin biex joffru t-tagħlim f’Malta, inkluż lil studenti Maltin.

Madanakollu, sostna Zammit Dimech, dan hu għal kollox differenti bl-Università Amerikana għaliex mir-‘riżultati’ li kisbet sa issa, jidher li dan hu biss proġett ta’ spekulazzjoni fuq art verġni ODZ li ma kellha qatt tittieħed mingħand in-nies biex tingħata lil negozjant barrani.

Hu sostna li ma kienx sorpriż li bosta akkademiċi kienu frustrati bil-kummenti tal-Prim Ministru li poġġa l-Università ta’ Malta u l-Università Amerikana fuq l-istess livell, għaliex kien insult li tqabbel Università ta’ aktar minn 11,000 student ma’ “università” li rnexxielha tattira biss numru żgħir ta’ studenti. Aktar minn hekk, sostna Francis Zammit Dimech, ma kienx xieraq li tqabbel Università li għandha impjegati li huma ta’ stoffa u rispettati ma’ Università li keċċiet l-impjegati tagħha, li wħud minnhom issa spiċċaw fi ġlieda legali mal-istess Università. Hu sostna li ma kienx xieraq ukoll li wieħed iqabbel Università li għandha standards għolja f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent, ma’ Università li trid tibni parti mill-kampus tagħha fuq art ODZ, ovjament għal raġunijiet ta’ spekulazzjoni.

Francis Zammit Dimech, li hu membru fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kultura u l-Edukazzjoni fil-Parlament Ewropew, iddiskuta wkoll l-immodernizzar tal-Edukazzjoni Għola, u l-kontribut li din tista’ tagħha biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali fil-pajjiż, fosthom dawk fl-edukazzjoni u fl-ekonomija. Hu rrefera wkoll għall-Erasmus+ u l-opportunitajiet li dan jiprovdi mhux biss lill-istudenti, iżda anke lill-istaff akkademiku. Hu żied li l-istituzzjonijiet u l-akkademiċi, bħall-istudenti, għadhom qed jaffaċċjaw sfidi f’dan il-programm, li għandhom jiġu indirizzati.