Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Bank Pilatus investigat mill-Awtorità Bankarja Ewropea

Il-Bank Pilatus – il-bank f’nofs kontroversja b’rabta ma’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus – qed jiġi investigat mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Il-ġurnal The Times of Malta dalgħodu żvela li l-Awtorità Bankarja Ewropea ħadet dan il-pass wara li rċeviet talba mill-Kummissjoni Ewropea u rapport mill-Parlament Ewropew.

Kelliema għall-Awtorità Bankarja Ewropea qalet lit-Times of Malta li l-awtorità ntalbet tiċċekja wkoll jekk l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji għandiex ir-riżorsi meħtieġa u jekk għandiex kunflitti ta’ interess biex twettaq xogħlha ta’ superviżjoni. L-istess awtorità ntalbet tistabbilixxi jekk l-MFSA wettqitx id-dmir tagħha – bħala awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni – fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni kontra l-Bank Pilatus u Nexia BT, li għad għandhom liċenzja biex jiprovdu s-servizzi tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

L-Awtorità Bankarja Ewropea ntalbet ukoll tiċċekja jekk il-fatt li l-Bank Pilatus għad għandu l-liċenzja biex jaħdem fl-Unjoni Ewropea għandux iwassal għal intervent minn naħa taghħa, kif ukoll mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa, ilu xhur jinsisti li kemm il-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll l-Awtorità Bankarja Ewropea jinvestigaw u jieħdu l-liċenzja tal-Bank Pilatus. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar, David Casa qal li wasal iż-żmien biex l-MFSA tieqaf tiddefendi dak li hu indifensibbli, u li l-preżenza tal-Bank Pilatus f’Malta qed twassal għal theddida għas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna.

https://www.facebook.com/DavidCasaMEP/posts/915999688596220

F’Diċembru li għadda, f’Malta ġiet delegazzjoni tal-Parlament Ewropew immexxija mill-MEP Soċjalista Ana Gomes biex tinvestiga s-saltna tad-dritt f’Malta, u fost l-oħrajn investigat ukoll lill-Bank Pilatus. Dakinhar, uffiċjali tal-MFSA kienu qalu lill-MEPs li ma sabu xejn ħażin biex ineħħu l-liċenzja tal-istess bank.

Fil-jiem li għaddew, David Casa bagħat ir-rapport tal-Parlament Ewropew kemm lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-Awtorità Bankarja Ewropea, u talabhom – skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess rapport – biex jaraw jekk il-Bank Pilatus għandiex titneħħielu l-liċenzja.

David Casa jressaq aktar provi quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew

Dan minkejja li rapport tal-FIAU dwar il-Bank Pilatus – li sar f’Marzu 2016 – jikkonferma li dan l-istess bank kien qed jikser il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus. Ir-rapport kien jgħid ukoll li mhux talli l-bank m’għandux sistemi li jassiguraw li m’għandux klijenti li qed jaħslu l-flus, iżda talli kien qed jassigura segretezza massima għal klijenti li jkunu nvoluti fil-politika. Imbagħad, wara r-riżenja ta’ Manfred Galdes minn Direttur tal-FIAU, l-istess aġenzija għamlet żjara oħra lill-Bank, u f’temp ta’ ftit ġranet, ħareġ rapport ieħor li jgħid li l-problemi li kellu l-Bank sparixxew.

Il-bagalji li nħarġu minn Pilatus Bank fis-satra tal-lejl

F’April 2016, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia irrappurtat li l-kumpanija Egrant kienet tal-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat, u li kienet saret tranżazzjoni ta’ miljun ewro mill-familja tad-dittattur tal-Ażerbajġan Aliyey. Dwar dan qed qed issir inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Aaron Bugeja.