Festi Knisja Kultura Lokali Mużika

Imnedija s-CD ‘Insellmulek O Kbir Leonardu’ fl-okkażjoni tal-425 Sena tal-Parroċċa Koppija

Innijiet devozzjonali lil San Leonardu Abbati diġitalizzati, dokumentati u miġbura f’CD

L-Għaqda Mużikali San Leonardu ta’ Ħal Kirkop għadha kif temmet il-proġett ‘D Hymns: Digitising, Documenting and Disseminating Kirkop’s musical heritage’ bit-tnedija ta’ CD ta’ innijiet devozzjonali lejn San Leonardu Abbati, Patrun ta’ Ħal Kirkop.

Permezz ta’ dan il-proġett, din il-banda Koppija ħadet l-opportunità sabiex tiġbor dawn l-innijiet devozzjonali u nqelbu b’mod diġitali sabiex jiġu ddokumentati u ppreservati aħjar. Sar ħafna xogħol ta’ riċerka lura fiż-żmien u ntsabu innijiet li l-Koppin kien għoddhom tilfu għaliex ma kinux jafu bihom. Fost l-oħrajn, saret riċerka kbira u l-adattament mill-orkestra għall-banda tal-antifona O Salvator Captivorum ta’ Vincenzo Bugeja mis-Surmast Hermann Farrugia Frantz.

Dawn l-10 innijiet ġew irrekordjati professjonalment ġo studio mill-Banda San Leonardu, immexxija mis-Surmast Direttur Daniel Vella, u mal-banda ngħaqad element orkestrali, il-Coro Bel Canto, it-Tenur Charles Vella Zarb, il-Baritonu Alfred Camilleri u l-kantanti Debbie Scerri, Mark Tonna, Sachelle Schembri u Keith Zammit.

Dan il-proġett sar biex jitfakkar l-425 Sena mit-Twaqqif tal-Parroċċa ta’ San Leonardu ta’ Ħal Kirkop u b’finanzjament tal-Komunitajiet Kreattivi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti.

(Ritratti ta’ Martin Agius)