Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

David Casa: Edward Scicluna responsabbli għall-falliment fl-istituzzjonijiet li jaqgħu taħtu

Il-Ministru tal-Finanzi responsabbli mill-FIAU u l-MFSA

Wara li sar magħruf li l-Awtorità Bankarja Ewropea qed tinvestiga l-MFSA u l-Bank Pilatus, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li issa għandna sitwazzjoni fejn mhux biss l-FIAU inkixfet li spiċċat għodda f’idejn il-Gvern li interessata biss biex taħbi l-provi ta’ politiċi korrotti flok tinvestiga l-ħasil tal-flus, imma l-MFSA qed tiġi investigata fid-dawl tal-fatt li l-Bank Pilatus u Nexia BT qed jitħallew b’liċenzja f’Malta u l-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista qal li dan kien inevitabbli. “Il-provi dwar l-involviment tal-Bank Pilatus u Nexia BT f’attività kriminali huma magħrufa u fid-dominju pubbliku. Hu gravi ħafna li dawk responsabbli ma tressqux biex issir ġustizzja, aħseb u ara li jitħallew għaddejjin qisu xejn mhu xejn,” sostna David Casa.

L-MEP qal li l-Bank Pilatus u Nexia BT huma l-arkitetti u dawk li wettqu l-attività korrotta taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi. “Dan hu dokumentat u l-provi kollha qegħdin hemm,” qal David Casa.

Hu qal li jifhem li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jinsab taħt pressjoni kbira mill-kollegi tiegħu fil-Kabinett. Madanakollu, Edward Scicluna qed juri li mhux kapaċi jirreżisti għall-pressjoni, u qed juri wkoll hu mhux kapaċi li jassigura li l-istituzzjonijiet li hu responsabbli minnhom jaħdmu kif suppost, temm jgħid David Casa.