Lokali

FILMAT: Ifallu t-taħditiet bejn il-MAM u l-Gvern… se jissoktaw l-azzjonijiet industrijali

Ftit tal-ħin ilu għadha kemm intemmet laqgħa bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija laqgħa li ma wasslet għall-ebda ftehim u għalhekk l-azzjonijiet industrijali ordnati għal għada se jissoktaw.

F’kummenti li ta quddiem il-Ministeru tas-Saħħa fi tmiem laqgħa li damet madwar sagħtejn, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM, it-Tabib Martin Balzan qal li filwaqt li hemm qbil mal-prinċipju, li s-settur pubbliku m’għandux jitlaq minn idejh il-management tas-saħħa pubblika, il-Gvern qed jgħid li ma jistax jieħu lura l-Isptarijiet mingħand il-privat.

“Il-Gvern qal ukoll li mhux marbut li javżana mill-inqas 6 ġimgħat dwar dan it-trasferiment, xi ħaġa li naturalment ma naqblux magħha.”

Martin Balzan qal li hu importanti li l-Isptarijiet ikunu f’idejn il-Gvern. “Aħjar inħallsu prezz issa milli t-tobba u l-pazjenti jibqa’ ibatu l-konsegwenzi għat-28 sena li ġejjin,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-MAM

Dawn huma l-kummenti tat-tabib Martin Balzan fi tmiem il-laqgħa mal-Gvern

Ir-reazzjoni tal-Ministeru

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li offra numru ta’ soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet li qed tqajjem il-union, iżda minkejja dan, il-MAM baqgħet issostni li se tkun qed tagħmel numru ta’ azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa.

L-istqarrija qalet li madwar 3,000 pazjent se jiġu affettwati bl-azzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fiċ-ċentri tas-saħħa mifruxa madwar Malta.

Il-Ministeru għas-Saħħa qal li lest li jibqa’ jiddiskuti mal-MAM fosthom kif jistgħu jaħdmu flimkien biex il-private-public partnership fl-isptarijiet tagħna tkun ta’ suċċess biex minnha jgawdi l-pazjent Malti. Il-Ministeru għas-Saħħa offra wkoll li l-MAM jkollha aċċess għall-kuntratti kollha ffirmati bejn il-Gvern u VGH.