Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

David Casa: Irridu ninvestu aktar fin-nies

“Id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol se jkollha rwol importanti biex nindirizzaw l-inugwaljanza”. Dan qalu l-MEP David Casa, li hu responsabbli minn din id-direttiva fil-Parlament Ewropew. Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew kien qed jitkellem waqt dibattitu fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar l-inugwaljanza li dejjem qegħda tiżdied fl-Unjoni Ewropea.

“Il-kwistjoni tal-inugwaljanzi soċjoekonomiċi li għadhom jeżistu fost l-Ewropej għadha teżisti, u għandha twassalna biex naċċertaw li l-Ewropa, b’mod ġenerali, tinvesti aktar fiċ-ċittadini.” David Casa indika li minkejja l-mewġa pożittiva tal-ekonomiji tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, d-distakk bejn il-foqra u s-sinjuri fl-Ewropa qed jikber. “Dan ipoġġi sfida quddiemna l-politiċi, peress li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku mhux qed jaslu b’mod awtomatiku fil-faxex kollha tas-soċjetà.”

Casa enfażizza l-importanza li dawn id-deċiżjonijiet politiċi għandhom jiġu mfassla b’mod li t-tkabbir ekonomiku jkun wieħed fit-tul u sostenibbli. “L-enfażi tagħna għandha tkun fuq l-investiment fi proġetti infrastrutturali, kura tas-saħħa u edukazzjoni, biex jgħinu lil dawk b’mod partikolari li ntlaqtu ħażin mill-kriżi finanzjarja. Għandna bżonn naħdmu fuq mod ta’ kif nieħdu dawn id-deċiżjonijiet li jwasslu għal ugwaljanza fuq livell multidimensjonali.”

Mill-arkivji: L-MEP David Casa jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu

David Casa enfasizza l-fatt li l-fenomenu tat-tkabbir ekonomiku li mhux jilħaq lil kulħadd, ma jinħassx biss f’Malta, iżda f’numru ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea. “Filwaqt li nappoġġja miżuri biex joħolqu x-xogħol ta’ kwalità, irridu nżidu l-investiment fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari biex naċċertaw li l-bidla fit-teknoloġija tinħass fost in-nies.”

Bħalissa, David Casa hu r-rapporteur dwar ir-rapport tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u fl-istess ħin hu l-Koordinatur tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fl-EMPL, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-Parlament Ewropew. Fil-konklużjoni tiegħu, David Casa stqarr li jekk l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. l-effett pożittiv se jinħass u jirriżulta f’inklużjoni aħjar taċ-ċittadini u l-ugwaljanza.