Lokali

FILMAT: Siġra tinqala’ minn postha fl-Imrieħel – raġel jitlef ħajtu u mara għall-kura l-isptar

Raġel ta’ 38 sena li kien qed isuq vann sfortunatament tilef ħajtu wara li siġra nqalgħet minn postha fi Triq l-Imdina, fl-Imrieħel.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.30 meta s-siġra nqalgħet bl-għeruq b’kollox u taret għal fuq il-vettura li fiha kien hemm ukoll passiġġiera ta’ 32 sena, li ttieħdet għall-kura. Madankollu ma kien hemm xejn x’jista’ jsir għar-raġel li kien qed isuq il-vann tat-tip Nissan.

Fil-post issejħet l-assistenza tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu lir-raġel u lill-mara mill-vann hekk kif dawn inqabdu fih. Fil-post marru wkoll numru ta’ ambulanzi kif ukoll Pulizija mid-Distrett u mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit.

Waqt li x-xufier kien iċċertifikat mejjet fuq il-post, il-mara ttieħdet immedjatament l-isptar Mater Dei għall-kura fejn tinsab f’qagħda kritika. Kemm ir-raġel li tilef ħajtu kif ukoll il-mara li kellu miegħu fil-vann huma ta’ nazzjonalità Rumena iżda kienu qed jgħixu l-Mosta.

It-triq fiż-żewġ direzzjonijiet kellha tingħalaq, għalkemm bħalissa qed jitħallew jgħaddu, minn karreġġjata waħda, il-vetturi fid-direzzjoni ta’ Fleur de Lys.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Donetalla Frendo Dimech. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Ispettur Rodrick Spiteri.

Il-maltemp li ilu għaddej għall-aħħar sigħat, b’xita qliel u bla waqfien għal iktar minn 24 siegħa u riħ qawwi li mistenni jiżdied ħolqot numru ta’ perikli oħra madwar pajjiżna fosthom siġra oħra li nqalgħet fin-niżla tas-Saqqajja.

Fortunatament f’dan il-każ ħadd ma weġġa’ u ma jidhirx li ntlaqtu karozzi għalkemm in-niżla fid-direzzjoni lejn Ħ’Attard għadha magħluqa, bil-karozzi li qed ikunu sfurzati jmorru man-naħa l-oħra tat-triq.