Lokali

FILMATI ĠODDA: Vapur jinkalja fil-Qawra

Il-baħar qawwi fl-aħħar sigħat wassal biex vapur kbir li kien marbut qrib is-Sikka l-Bajda nqata’ mill-irbit tiegħu u nġarr lejn ix-xatt fejn inkalja max-xatt tal-Qawra.

Filfatt il-vapur għadu mwaħħal mal-blat, fl-inħawi ta’ Fra Ben. Abbord il-vapur kien hemm numru ta’ baħrin li mallu dan il-bastiment ħabat mal-blat qabżu l-baħar u telgħu x-xatt. Madankollu mhux magħruf jekk ġarrbux xi ġrieħi.

Il-vapur tal-bunkering irreġistat it-Togo.

Fost l-ewwel li taw l-assistenza kien hemm il-membri tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar li marru fil-post b’erba’ vetturi u l-ekwipaġġ biex ipprovdew ħwejjeġ u kutri lil seba’ persuni li kienu abbord.

Fil-post spikkat ħidma konġunta u professjonali wkoll mill-membri mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, Pulizija, membri tal-Protezzjoni Ċivili, Transport Malta kif ukoll numru ta’ voluntiera li offrew li jagħtu daqqa t’id.