Lokali

“Inħossni sfruttata mill-Partit tiegħi stess” – Parteċipanta fil-programm ‘Lead’

Parteċipanta fil-programm 'Lead' tiżvela ma’ il-mument fatti interni sensittivi dwar il-veru skop ta’ dan il-programm waqt li tirrakkonta d-diżappunt tagħha minħabba l-mod kif ikunu trattati l-parteċipanti mill-koordinaturi tal-istess programm

“Ilqajt l-istedina biex nipparteċipa fil-programm ‘LEAD’ li hu mniedi mill-Partit Laburista u dan għamiltu mhux biss għaliex tinteressani l-politika, iżda wkoll għaliex kont inħobb ġenwinament lill-Partit Laburista.

“U l-programm beda f’Ottubru li għadda u nista’ ngħid li kien hemm ħafna entużjażmu tant li dawk li konna applikajna nqsamna f’żewġ gruppi.

“Iżda darba dan il-programm beda u bdew isiru t-taħditiet u l-attivitajiet bdejt nifhem li minn dak kollu li ngħadilna fil-bidu ftit li xejn kien hemm verità għaliex il-veru skop ta’ dan il-programm hu li jinstabu għadd ta’ nisa bl-iskop li mbagħad ikunu jistgħu jaħdmu favur il-kampanja tad-Deputat Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli darba tibda t-tellieqa għall-għażla tal-Leader tal-Partit.

“Kont iddiżappuntata ferm meta indunajt bl-emfażi fuq id-dehra sabiħa tagħna, tant li smajt li kien hemm min applikka iżda lanqas bagħtu għaliehom minħabba d-dehra tagħhom.

“Jien kont u għadni tassew diżappuntata b’dan għaliex ma kienx l-iskop ta’ dan il-programm u nista’ ngħidlek li meta xi ħadd minna l-parteċipanti tkellmet biex toħroġ minn dan l-impenn dak li ngħadilha kien: ‘Aħjar tibqa’ hawn milli tiġi ttimbrata… ma tafx li ma jaqbillekx!’”

Din kienet l-istqarrija bl-aktar mod esklussiv li għamlet ma’ il-mument attivista tal-Partit Laburista li minn Ottubru li għadda bdiet tipparteċipa fil-programm ‘LEAD’ imniedi mill-Partit Laburista stess bl-iskop oriġinali – almenu hekk kien ingħad mill-organizzatriċi ta’ dan il-programm Miriam Dalli – ikun li jintgħażlu tfajliet u nisa li għandhom interess li jitħarrġu aktar fil-politika biex hekk jagħtu sehem u kontribut akbar fi ħdan il-Partit Laburista.

Fil-konversazzjoni esklussiva ma’ il-mument, din l-attivista Laburista bdiet biex qalet li: “Fil-bidu tal-laqgħat u l-attivitajiet, allura lura f’Ottubru li għadda, kien hemm entużjażmu u eċċitament kbir għal parteċipazzjoni attiva f’dak kollu li kien jikkonsisti dan il-programm.

“Naturalment għalina dan kollu kien xi ħaġa ġdida li nieħdu sehem fi programm suppost iffukat direttament fuq taħriġ ta’ politika b’kelliema ta’ ċerta stoffa u bl-involviment dirett tat-Tmexxija tal-Partit.”

Hi kompliet li flimkien m’oħrajn kienu jifhmu li wara din l-inizjattiva tal-Partit Laburista kien hemm l-id diretta ta’ Kastilja u ta’ nies bħal Keith Schembri li riedu li din l-inizjattiva tirnexxi u tkun suċċess u għalhekk fil-bidu beda jingħadilhom ħafna kliem sabiħ.

“Iżda aktar ma bdew jgħaddu l-ġimgħat, aktar bdiet tinkixef il-vera raġuni għal dan il-programm ‘LEAD’ u bosta minna bdew jifhmu li lil hinn minn dak li kien ingħadilna fil-bidu, il-mira ewlenija u aħħarija kienet li l-Partit Laburista jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu grupp ta’ tfajliet u nisa li allura jkunu mħarrġa dwar il-mod kif għandhom jitkellmu dwar kwistjonijiet ta’ natura politika biex hekk ikunu jistgħu jattakkaw esponenti Nazzjonalisti kif ukoll dawk Laburisti li jappoġġjaw lill-Viċi Prim Ministru Chris Fearn. Dan sabiex b’mod effettiv fil-kampanja għat-Tmexxija tal-Partit favur Miriam Dalli tirnexxi.”

Il-konfront ma’ Chris Fearne

B’kunfidenzjalità kbira, din l-attivista Laburista kompliet li t-Tmexxija attwali tal-Partit Laburista hi konxja mill-fatt li l-Ministru Chris Fearne ma hux biss interessat fil-Leadership tal-Partit, iżda wkoll hu fuq quddiem u l-favorit li jirbaħ din it-tellieqa.

“Iżda t-Tmexxija tal-Partit ma tridx lilu li jirbaħ din it-tellieqa. It-Tmexxija tal-Partit timbotta u tappoġġja lil Miriam Dalli. Il-kontestanti l-oħrajn, bħal Ian Borg, Robert Abela u forsi oħrajn għandhom ċansijiet limitati ħafna li jkunu huma li jirbħu din it-tellieqa. Naħseb li bdew jaqtaw qalbhom ukoll.”

Imwissija li jekk jitilqu jkunu ttimbrati

Hi kompliet: “Il-grupp li qed nattendu dan il-programm hu wieħed imħallat. Hemm tfajliet u hemm nisa adulti. F’dan il-programm bdiet issir enfasi qawwija fuq l-importanza li aħna jkollna dehra sabiħa, nilbsu pulit u jekk jista’ jkun ħwejjeġ tad-ditta. Saret ukoll enfasi biex ikollna make-up professjonali u fil-fatt ingħatajna taħriġ kif dan nagħmluh minn persuni qrib Phillys Muscat li għandha kumpanija ta’ prodotti u servizzi tas-sbuħija. Phillys Muscat hi viċin ħafna ta’ Keith Schembri u flimkien għandhom negozju flimkien.

“Fid-dawl ta’ dan kollu jien u oħrajn bdejna nifhmu aktar li iżjed milli kienet qed issir enfasi fuq l-iżvilupp tat-talenti u l-ħila u l-kapaċità fid-diskussjoni u fl-għarfien, aktar kien hemm enfasi fuq id-dehra u l-kosmetika. Fil-fatt darba minnhom qalulna bl-aktar mod ċar li fil-politika aktar minn kollox tgħodd id-dehra.”

Hi żiedet li aktar ma gerbu l-ġimgħat, aktar saru spissi l-attivitajiet f’dan il-programm u kien hemm parteċipanti li bdew jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li ma kienx qiegħed ikollhom ħin biżżejjed għall-familja tagħhom.

“Oħrajn li fehmu l-iskop aħħari ta’ dan il-programm xtaqu li joħorġu minnu u kien hemm min saħansitra ħa pariri dwar dan iżda dak li ngħadilha kien: ‘Mhux aħjar tibqa’ hawn milli tiġi ttimbrata… ma tafx li ma jaqbillekx ma tkomplix.’

“Problema oħra hi li kienu wegħduna sponsors għal ħwejjeġ u make-up iżda dawn ma ġew qatt. B’hekk kollox qed ikolli nixtri minn buti b’sagrifiċju kbir.

“Armata favur Miriam Dalli”

Din l-attivista kompliet li waqt il-laqgħat bdiet issirilhom ukoll pressjoni biex jipparteċipaw – anki b’ismijiet anonimi – f’diskussjonijiet fuq il-midja soċjali dejjem f’temi favur Miriam Dalli u f’oħrajn kontra l-Partit Nazzjonalista.

“Ingħadilna wkoll li konna qed inkunu segwiti fil-progress tagħna u dan il-monitoraġġ kien qiegħed isir minn Kastilja biex jaraw min verament kien sejjer tajjeb f’dan il-programm.”

Mistoqsija dwar il-veru skop tal-parteċipazzjoni tagħha u ta’ oħrajn fi programm daqstant impenjattiv, hi qalet li hi u oħrajn daħlu għal dan il-programm għaliex għandhom għal qalbhom il-Partit Laburista.

“Naturalment kien hemm oħrajn li daħlu għal dan il-programm bl-iskop li jsiru midħla aktar tat-Tmexxija tal-Partit Laburista u hekk ikunu qed jimbottaw lilhom infushom u l-interessi tagħhom għal xi gwadanji personali…”

“Smajt tfajla tgħid li qed tistenna risposta biex tiddaħħal taħdem f’Ministeru, iżda waqaft nitkellem magħha għax fihmt li din kienet tispjuna fuqna mal-kordinaturi tal-programm.

Hi temmet: “Insomma qed jagħmlu minna ‘armata ħamra’ ta’ nisa biex nimmilitaw fil-kampanja ħalli Miriam Dalli ssir il-Leader il-ġdid tal-Partit Laburista hekk kif is-sena d-dieħla Joseph Muscat iwarrab minn kollox kif ilu jgħid.”