Lokali Saħħa

KONFERMATA: Pazjent għadu maħrub; argument jaħraq f’Monte Karmeli

Il-Gvern jikkonferma l-istorja tas-sit NETnews.com.mt

Ritratt: Lovin Malta

Il-Pulizija jinsabu infurmat illi pazjent rikoverat fl-Isptar Monte Karmeli ħarab u għadu ma rritornax lura.

Kien dan is-sit illi ftit tas-sigħat ilu żvela l-aħbar illi fl-Isptar Monte Karmeli żviluppat sitwazzjoni xejn sabiħa wara li ġew fl-idejn numru ta’ pazjenti tal-istess sptar. Żvelajna ukoll li hemm pazjent maħrub.

Ftit tal-ħin ilu fi stqarrija l-Gvern qal li aktar kmieni “seħħ argument bejn pazjenti rikoverati fis-sala 8B”.

L-istqarrija tal-Ministru Chris Fearne tgħid illi l-argument ġie kkontrollat f’ħin qasir mill-istaff tal-istess sptar. Għalkemm ma jagħmilx referenza għall-fatt illi l-infermiera u l-carers qabdu u ħarġu mis-swali b’sinjal ta’ protesta, sakemm il-management ordnalhom biex jidħlu ġewwa minnufih.

Skont il-Gvern, “pazjent li kellu l-permessi neċessarji biex joħroġ mill-Isptar Monte Karmeli, baqa’ ma rritornax lura lejn l-isptar”.

Fuq dan il-każ sar rapport fl-għassa tal-Ħamrun.

Dan il-pazjent hu t-tieni wieħed li ħarab mill-Isptar Monte Karmeli f’temp ta’ ftit jiem. Fil-każ preċedenti, ir-raġel kien instab mejjet f’lukanda ġewwa Buġibba.

Dwar il-każ tallum ma ħarġet l-ebda stqarrija mill-Kap Eżekuttiv ta’ Monte Karmeli.