Lokali

FILMAT: Partitarja Laburista tinħareġ ‘l barra waqt laqgħa tal-Kunsilll Lokali tal-Belt

Il-mara inħarġet ‘l barra waqt laqgħa tal-Kunsilll Lokali tal-Belt dwar il-mafkar f’ġieħ Daphne Caruana Galizia

Waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li fiha ġiet diskussa mozzjoni dwar il-mafkar f’ġieh Daphne Caruana Galizia, attivista tal-Partit Laburista kellha tinħareġ ‘l barra wara li saret aggressiva. Il-laqgħa kienet ikkaratterizzata minn ħafna għajjat u interruzzjonijiet.

Il-mozzjoni tressqet mill-Kunsillier Laburista Ray Azzopardi li fiha intalab li l-Kunsill ineħħi l-mafkar, li skont hu, qed jinkiser il-Kodiċi Kriminali. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-familja tal-ġurnalista maqtula.

Fost il-punti li tqajjmu f’din il-laqgħa kien hemm li minbarra l-fatt li l-mozzjoni m’għandhiex bażi legali għax mhux fil-kompetenza tal-Kunsill, il-fjuri huma hemm bħala protesta għad-dritt tal-espressjoni li qed jiġi mirfus.

Punt ieħor li tqajjem hu li dan hu mafkar sabiex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia u l-mafkar għandu jkun quddiem il-Qrati sakemm jinstab minn ordna l-qtil tagħha.

Fost dawk li kienu qed jappoġġjaw il-mozzjoni u kontra l-mafkar, spikka l-punt li l-monument tal-Assedju l-Kbir m’għandux jitgħatta minn dak li sejjħulu qabar. Sfortunatament, ċertu attivisti Laburisti waqqgħu id-diskussjoni għar-redikolu. Ara l-filmat t’hawn taħt.

Qalb l-għajjat, argumenti u kontro argument, spikka l-intervent meqjus ta’ Peter Caruana Galizia, l-armel tal-vittma.

Fi tmiem id-diskussjoni, qajjem point of order il-Viċi Sindku tal-Belt Valletta Christian Micallef, fejn qal li minbarra li l-Kunsill m’għandux ġurisdizzjoni fuq monumenti, il-mozzjoni hi nieqsa minn kull sens ta’ solidarjeta’ lejn il-familja tal-vittma.

Il-laqgħa ġiet fi tmiemha bis-Sindku Alexiei Dingli jagħti ruling li l-mozzjoni hi inammissibbli għaliex il-Kunsill la għandu ġurisdizzjoni u lanqas kompetenza fuq monumenti nazzjonali.

Ritratti: Martin Agius